Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jsir il-partit tan-nies” – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jsir il-partit tan-nies, il-partit li jisma’ u jistma’ lin-nies u li jindirizza, bil-proposti tiegħu, l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin fil-ħajja ta’ kuljum. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jimpurtah mill-poplu u mis-sitwazzjonijiet li jkunu għaddejjin minnhom il-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu, ta’ kuljum, qed jiltaqa’ ma’ diversi persuni – kemm b’laqgħat fid-Dar Ċentrali kif ukoll żjarat fid-djar – u fihom, jifhem aktar l-isfidi tan-nies, b’mod partikolari tal-pensjonanti li mhux qed ilaħħqu mal-pensjoni kif ukoll dawk fil-prekarjat u bil-minimum wage.

“Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jsir il-partit tan-nies” – Simon Busuttil – Filmat taħt

Hu rrefera għall-wegħdiet li għamel Joseph Muscat qabel l-elezzjoni – prinċiparjament dawk ta’ Malta Tagħna Lkoll u t-trasparenza – li wara l-elezzjoni, kisirhom bl-aktar mod sfaċċat. “Ir-rebħa elettorali ta’ Muscat kienet mibnija fuq gidba,” sostna Simon Busuttil. Fil-fatt, hu spjega kif il-wegħda tat-trasparenza kienet miksura totalment għaliex Muscat ma ppubblika ebda kuntratt kbir li ffirma l-Gvern tiegħu f’din il-leġiżlatura. Fost l-oħrajn, irrefera għal dawk il-kuntratti maġġuri fl-enerġija, kif ukoll il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet – kollha deals li saru minn Keith Schembri u Konrad Mizzi li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, kif ukoll bdew il-proċessi biex jiftħu kontijiet bankarji sigrieti madwar id-dinja kollha biex fihom ipoġġu s-senserija. Dwar dan l-iskandlu, Simon Busuttil qal li dan mhu aċċettabbli bi kwalunkwe standard, aħseb u ara bl-istandards li kien jitkellem dwarhom Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali. Hu fakkar li dan l-iskandlu wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru tal-Iżlanda, iżda l-Prim Ministru ta’ Malta mhux talli ma rriżenjax, iżda talli qed jibqa’ jiddefendi lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu, li nqabdu li fetħu karus fil-Panama.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar in-nies qed jaraw li dan il-Gvern jiprova jinsulenta l-intelliġenza tagħhom, bi propoganda rħisa u giddieba mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu sostna li aktar ma’ Muscat jiprova jaħbi l-iskandlu tal-Panama, aktar dan se jkompli jirrabja lin-nies.

Simon Busuttil fakkar li l-bniedem li fetaħ il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, fetaħ ukoll kumpanija sigrieta lill-persuna li f’isem Shanghai Electric, innegozjat il-bejgħ tal-Enemalta mal-istess Mizzi. Hu qal li f’dan id-deal, il-Gvern Malti biegħ il-Power Station ta’ Delimara li bdiet taħdem f’Diċembru 2012 u li biha, pajjiżna beda jakkwista effiċjenzi kbar fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li wassal għal roħs fil-kontijiet tad-dawl. “Muscat tela’ bil-wegħda elettorali li jibni Power Station ġdida biex iraħħas it-tariffi, iżda l-Power Station għadha mhix lesta. Dak li hu lest huwa l-investiment tal-Partit Nazzjonalista: il-Power Station ta’ Delimara u l-interconnector, li bih, qed nixtru elettriku bi prezz irħis,” insista Simon Busuttil.

Simon Busuttil irrefera għall-faċċata ta’ quddiem ta’ The Malta Independent on Sunday, li qalet li erba’ xhur wara li Konrad Mizzi wiegħed li se jsir audit tal-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama, biex wara jagħlaq din il-kumpanija, l-istess Mizzi mhux talli ma ppubblika ebda audit, iżda talli għadu qed jaħrab il-mistoqsijiet dwar dan. Fl-istess ħin, l-istess Mizzi, lbieraħ deher f’sessjoni ta’ propoganda tal-Gvern li suppost kienet dwar “Gvern li Jisma’”, iżda Mizzi għamel eżattament bil-kontra, għaliex ma riedx iwieġeb u jisma’ mill-ġurnalisti li attendew għal din l-attività.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru ma jistax imur għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Konrad Mizzi Ministru, b’Keith Schembri Chief of Staff tiegħu u b’Alfred Mifsud bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn it-tliet persuni qed ikissru r-reputazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Hu rrefera wkoll għall-fatt li l-Pulizija mhix tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi dwar l-iskandlu tal-Panama. “Pajjiżna ilu xagħrejn u nofs mingħajr Kummissarju tal-Pulizija. Din hi sitwazzjoni tal-mistħija,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li Joseph Muscat mhux kapaċi jagħti lil pajjiż Kummissarju tal-Pulizija sura ta’ nies. Hu fakkar li f’din il-leġiżlatura, diġà kellna erba’ Kummissarji tal-Pulizija u issa l-Korp jinsab fis-sitwazzjoni ta’ bla Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat jibża’ li jkun hemm Kummissarju sura ta’ nies, għaliex dan jibda jinvestiga lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Alfred Mifsud.

Simon Busuttil temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iħares lejn dak li jħossu n-nies u joffri l-proposti tiegħu li huma in line ma’ dak li qed iħossu n-nies. Hu fakkar fil-proposti li ħareġ dwar it-traffiku, kif ukoll dawk biex titnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna.