Lokali

“Joseph Muscat jigdeb biex jiddefendi lil Konrad Mizzi”

Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi. Waqt intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, il-Prim Ministru iġġustifika l-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi li kien idderieġa lill-Enemalta biex tixtri l-fuel mingħanda is-Socar, il-kumpanija statali tal-Azerbajġan.

Dak id-deal kien wassal biex l-Enemalta tilfet 14-il miljun dollaru u l-familji u n-negozji Maltin kienu qed iħallsu fost l-iktar prezzijiet għoljin ta’ petrol u diesel fl-Unjoni Ewropea. Dan kien wassal biex l-Awditur Ġenerali jikkundanna dan id-direct order fuq hedging ta’ 6 xhur bħala proċess li dgħajjef il-kontabilita’ u nuqqas ta’ governanza tajba.

Waqt l-istess intervent telefoniku, Muscat tkellem dwar l-ekonomija li qed tingħata ċertifikat tajjeb minn aġenziji ta’ credit rating. Hu qal li dan hu riżultat tal-politika tal-Gvern tiegħu.

Sadanittant fi stqarrija, il-PN qal li Joseph Muscat gideb biex kompla jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi, li ġie mċanfar mill-Awditur Ġenerali għall-indħil dirett biex jinxtara żejt mill-Ażerbajġan
L-istqarrija tkompli li fl-istess żmien tal-indħil tal-Ministru Mizzi, kienu qed jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-istess Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Il-PN kompla li l-mod diskriminatorju ta’ kif imexxi dan il-Gvern ġie rifless ukoll f’rapport tal-Awditur Ġenerali din il-ġimgħa li spjega d-diskriminazzjoni li jmexxi biha l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Filfatt, fi skema waħda biss tal-Kunsilli Lokali, Joseph Muscat ta 86% tal-fondi lill-Kunsilli b’maġġoranza Laburista, waqt li dawk b’maġġoranza Nazzjonalista ngħataw biss 14% tal-fondi.

Għall-kuntrarju, r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskemi tal-Kunsilli Lokali fil-leġiżlatura li għaddiet juri li l-interventi ta’ Chris Said mhux talli ma wasslu għall-ebda diskriminazzjoni – tant li Kunsilli Laburisti ngħataw 52% tal-fondi allokati – iżda wasslu biex jingħataw aktar fondi lill-Kunsilli u biex aktar inizjattivi jsiru fil-lokalitajiet.

L-istqarrija ttemm li filwaqt li Joseph Muscat ikompli jiddefendi l-korruzzjoni, l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ joħroġ bi proposti konkreti li jindirizzaw l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxi, fosthom il-bżonn ta’ tmexxija tajba kif ukoll soluzzjoni għall-problema tat-traffiku.