Fi stqarrija l-Union tal-Bdoti, l-ALPA, ċaħdet storja ppubblikata fil-ġurnal The Sunday Times bit-titlu “Air Malta pilots demand €50,000 salary increase each”.
Fl-artiklu jingħad li l-bdoti tal-Air Malta, permezz tal-union tagħhom l-ALPA riedu żieda fil-paga ta’ €50,000 kull bdot, xi ħaġa li l-istess rapport jgħid li tkun tiswa lill-linja nazzjonai ta’ l-ajru sitt miljun Ewro. L-istess rapport spjega kif fl-Air Malta bħalissa hemm 122 bdot b’paga medja ta’ €93,000 fis-sena.
L-ALPA madankollu spjegat li dan l-artiklu kien mimli b’numri skoretti nkluż in-numru ta’ bdoti mpjegati u b’hekk joffri stampa skoretta lil pubbliku.
L-ALPA saħqet li hija kienet skedata li jkollha laqgħa ma’ l-Air Malta u li għalhekk f’dan l-istadju ma’ kienet ser tgħaddi ebda kumment ulterjuri.
Minn tiegħu l-ġurnal The Sunday Times sostna li kien ser jibqa’ jinsisti fuq il-verżjoni tiegħu tal-fatti f’dan il-każ anke għaliex l-ALPA naqset milli tispjega x’kien hemm skorett fl-artiklu oriġinali.
//= $special ?>