F’intervista ma’ Il-Mument, David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport qal li l-ħatra ta’ Regolatur bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti għandha skop ewlieni biex l-art li tingħata minnha jgawdi tassew l-isport Malti, t-tfal u l-atleti.
Kemm hu importanti li partit politiku jiddiskuti mal-istakeholders fit-tfassil tal-politika ġdida tiegħu?
Bħala Partit Nazzjonalista aħna nemmnu fin-nies. Irridu naraw li nfasslu politika mibnija minn nies għan-nies. Dan ifisser li l-ewwel irridu nisimgħu u wara niddeċiedu u nibnu l-politika tagħna fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Għaldaqstant biex naslu, hemm bżonn li nkomplu nifhmu l-bżonnijiet tal-istakeholders, naraw x’nuqqasijiet u x’diffikulatjiet qed jiffaċċjaw u magħhom nkomplu nfasslu pjan ta’ kif dan kollu jista’ jiġi ndirizzat fi ħdan pjan ħolistiku.
X’kienu l-aktar punti li ħarġu mill-konferenza?
Kienu bosta l-punti mqajjma iżda ewlenin fosthom kien hemm in-nuqqas ta’ attività fiżika. In-nuqqas ta’ attività fiżika tinħass kemm fost l-adulti kif ukoll fost it-tfal fl-iskola li għandhom ħin limitat għall-edukazzjoni fiżika.
Issemmew punti oħra importanti bħall-problemi ta’ lectures fl-Università li jkollhom l-atleti u li jaħbtu eżatt mal-logħob jew mal-ħin tat-taħriġ, in-nuqqas ta’ exposure għall-atleti tagħna barra minn xtutna.
L-esperjenza u x-xhieda f’din l-konferenza tal-ateleti uriet d-diffikultajiet biex l-atleti tagħna jsibu kuntratti professjonali barra minn Malta, tant hu hekk li jispiċċaw ifittxu huma biex jagħmlu kuntatti direttament mal-klabbs barranin.
Il-bżonn ta’ aktar faċilitajiet miftuħa fiċ-ċentri ta’ kull lokalità biex kulħadd ikun jista’ jagħmel l-eżerċizzju fiżiku u fejn t-tfal ikollhom aktar post biex jilgħabu kien ħsieb ukoll li ħareġ mill-konferenza.
Madanakollu wieħed jista’ jgħid ukoll li dawn l-punti kienu ukoll imsemmija b’mod qawwi fosthom li:
Jiżdied il-Baġit tal-gvern fuq l-isport u mhux biss meta Malta tkun se tieħu sehem f’xi kompetizzjoni internazzjonali ewlenija bħal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar jew logħob olimpiku;
Fil-futur Malta jkollha Ministeru tal-Isport u mhux biss segretarjat fi ħdan Ministeru;
Hemm bżonn bidla fil-mentalità tal-poplu, l-isportivi u l-uffiċjali lejn il-professjonaliżmu;
L-atleti jridu jkunu lesti jagħmlu sagrifiċċju biex isiru professjonali;
Kull assoċjazzjoni tingħata assistenza finanzjarja adegwata biex togħla fil-livell; u
Malta jkollha biżżejjed faċilitajiet sportivi biex fihom tiġi prattikata kull dixxiplina sportiva.
Liema huma l-akbar sfidi li għandu l-isport Malti bħalissa?
Inħoss li għad hemm nuqqas kbir ta’ kultura sportiva f’pajjiżna. Irridu nkomplu naħdmu biex nibdlu l-mentalità tal-poplu Malti.
Dan huwa rifless bin-numru limitat ta’ atleti li għandna u mill-fatt li aħna l-aktar pajjiż li għandu poplu qawwi fil-piż. Aħna pajjiż ukoll li għandna mard relatat man-nuqqas ta’ attività fiżika.
Jinħass ukoll in-nuqqas ta’ volontiera fi ħdan il-klabbs li x-xogħol tagħhom huwa tant neċessarju fil-kuntest tal-isport Malti bħalissa.
Il-faċilitajiet sportivi u l-finanzjament fl-isport dejjem jibqgħu bħala sfida ewlenija li tintrebaħ biss jekk infasslu pjan serju li jwassal lil pajjiżna biex ikollu l-aqwa faċilitajiet li fihom inkunu nistgħu nospitaw uħud mill-aqwa avvenimenti sportivi.
X’ħidma se jwettaq il-PN wara din il-konferenza?
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talabni biex, wara li nisma’ mingħand l-assoċjazzjonijiet, l-atleti, l-isportivi u l-amministraturi, nara liema huma dawk l-avvenimenti sportivi internazzjonali li pajjiżna jista’ jpoġġi miri ċari u realistiċi biex jilħaq il-livell meħtieġ li jospitahom f’pajjiżna.
Dan iwassal biex ikollna għan ċar u mezzi biex intejbu l-infrastruttura sportiva eżistenti u anki biex ngħollu l-livell kompetittiv tagħna.
Għaldaqstant se nibda numru ta’ laqgħat mal-assoċjazzjoniet, mal-klabbs u mal-atleti biex nfiehem fejn nixtiequ imorru u fl-istess ħin nifhem aktar il-bżonnijiet tagħhom u flimkien nkunu nistgħu nkomplu nfasslu pjani għall-futur.
X’politika se jaddotta l-PN quddiem il-liġi dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi?
F’dan il-qasam konna kawti ħafna għax għalkemm l-White Paper li ħareġ il-Gvern hija bażi tajba, hemm numru ta’ punti li nixtiequ li jitbiddlu u oħrajn ġodda li hemm bżonn ikunu nklużi fil-liġi li trid tgħaddi quddiem il-Parlament.
Kelli laqgħat mal-Gvern fil-privat biex dan is-suġġett ma nagħmuhx ballun politku u f’dawn l-laqgħat, tajt il-ħsibijiet tagħna. Issa qed nistennew draft tal-Abbozz ta’ Liġi biex inkunu nistgħu nkomplu t-taħditiet.
Bħala punti ewlenin. din trid tkun liġi bbażata fuq it-trasparenza, l-kontabbiltà u l-ġustizzja bejn l-entitajiet sportivi. Qed ninsisti wkoll li jkun hemm Regolatur maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti li l-funzjoni tiegħu tkun li l-art li tingħata verament minnha jgawdi l-isport Malti, t-tfal u l-atleti tagħna.
Kemm hu importanti l-investiment privat u tal-gvern fl-isport?
Il-Gvern irid ikun l-mutur wara l-investiment fi strutturi sportivi speċjalment fi strutturi sportivi viċin l-iskejjel u l-kulleġġi edukattivi.
Jekk noħolqu l-ambjent u l-istrutturi adatti, jekk indaħħlu kultura sportiva f’pajjiżna, ma tkunx daqshekk diffiċli li l-privat jinvesti ukoll fl-isport f’pajjiżna.
Barra minn Malta hemm strutturi sportivi li jingħataw isem ta’ ditti privati filwaqt li naraw investiment dirett mill-privat fi klabbs u fl-assoċazzjonijiet sportivi.
L-għan aħħari għandu jkun li nwasslu lill-klabbs u lill-assoċjazzjonijiet li jkollom l-istrutturi sodi biżżejjed biex jimxu fuq passi professionali u biex jintlaħaq dan, hemm bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd.
//= $special ?>