Lokali

Minn Jannar sa Settembru li ġej il-konsumatur se jħallas aktar minn €106 miljun f’dazji u taxxi għall-petrol u d-diesel

“Il-konsumatur li jimla t-tank bil-petrol jew id-diesel kull ġimgħa, ma tinteressahx l-istabbiltà tal-prezzijiet meta din tfisser sempliċement prezz aktar għoli milli suppost.” Dan iddikjarah Alfred A. Farrugia, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta, f’intervista ma’ Il-Mument.

Hu fisser li l-konsumatur jinteressah li kull ġimgħa huwa jħallas l-anqas prezz possibbli għall-petrol jew id-diesel li jixtri skont il-prezz internazzjonali taż-żejt. “Wasalna fi stat fejn ir-regolaturi qegħdin hemm għalxejn. Dawn ir-regolaturi ma jistgħux jinfurzaw ir-regoli fuq in-negozjanti meta l-Gvern stess bil-kumpaniji statali tiegħu qiegħed jagħmel agħar min-negozjanti.”

Alfred Farrugia semma li sena u nofs ilu kellna l-każ klassiku ta’ sid tal-pompa tal-petrol fir-Rabat, Malta, li pprova jraħħas il-prezz tad-diesel b’2 ċenteżmi. Anqas litru wieħed ta’ diesel ma laħaq biegħ għax saret pressjoni fuqu biex jerġa’ jgħolli l-prezz!

“Dan ifisser li matul dawn l-aħħar sena u nofs, il-konsumatur Malti nsteraq 2 ċenteżmi fuq kull litru diesel li xtara, jew aktar minn €2.5 miljun. Għax jekk dan is-sid tal-pompa seta’ jraħħas il-prezz b’2 ċenteżmi, is-sidien l-oħra kollha setgħu jagħmlu l-istess!”

Alfred Farrugia staqsa x’inhi r-raġuni li l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ma ħadet ebda pass fuq dan il-każ f’sena u nofs. “Hija ħaġa ċara li r-regolatur ma jistax jieħu passi għax inkella tinkixef il-konfoffa kollha li hawn fl-importazzjoni u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel f’Malta.” Hu staqsa wkoll kemm għamlet qligħ esaġerat l-Enemed, il-kumpanija statali tal-Gvern fl-aħħar sena u nofs meta l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt waqgħu.

Il-prezz tad-diesel fost l-ogħla fl-Ewropa

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-prezz taż-żejt internazzjonali kien tiela’ u nieżel bi ftit. Madankollu, il-prezz tad-diesel f’Malta bħalissa xorta għadu iktar għoli minn dak ta’ 19-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Dawn huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

Fil-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Polonja, il-prezz tad-diesel huwa anqas minn €1!

Fil-Polonja, il-prezz tad-diesel hu 94.5 ċenteżmu l-litru, jiġifieri 21.5 ċenteżmu anqas minn Malta, jew 18.5 fil-mija anqas.

Aktar minn nofs il-pajjiżi tal-UE bil-prezz tal-petrol orħos minn Malta

Hemm 15-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li għandhom il-prezz tal-petrol orħos minn ta’ Malta. Dawn huma l-istess 19-il pajjiż li għandhom il-prezz tad-diesel orħos minn ta’ Malta minbarra l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja u l-Portugall, iżda inkluż Ċipru.

Il-prezz tal-petrol fil-Bulgarija hu 99.7 ċenteżmu l-litru, jiġifieri 28.3 ċenteżmu orħos minn Malta, jew 22.1 fil-mija anqas.

L-Enemed b’nuqqas kbir ta’ trasparenza

F’dan l-isfond, Alfred Farrugia staqsa x’inhi r-raġuni li l-Enemed ma hix kapaċi timporta l-petrol u d-diesel bi prezzijiet irħas bħalma qed jagħmlu għadd ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. X’inhi r-raġuni li l-Enemed ma toħroġx l-offerti tagħha għall-importazzjoni tal-petrol u d-diesel fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea, it-TED – Tenders Electronic Daily, kif jagħmlu kumpaniji f’pajjiżi oħra?

L-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-fuel m’għandhomx ikunu f’idejn il-Gvern

Il-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta huwa tal-fehma – bħalma hu l-stess konsulent li kellu dan il-Gvern stess aktar qabel, il-Perit Michael Falzon – li l-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel m’għandhomx ikunu f’idejn il-Gvern jew il-kumpaniji tiegħu.

L-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel għandhom ikunu f’idejn ir-rappreżentanti lokali tal-kumpaniji taż-żejt barranin li għandhom jitħallew jikkompetu bejniethom mingħajr tfixkil biex joffru l-orħos prezzijiet lill-konsumatur.

Alfred Farrugia qal li x-xogħol tal-Enemed għandu jkun li tara li ħadd mir-rappreżentanti lokali mhu qed jipprofitta ruħu mill-konsumatur, kif qed tagħmel hi bħalissa!

“Il-Gvern m’għandux għalfejn jagħmel profitt minn fuq il-bejgħ tal-petrol u d-diesel kif qed jagħmel bħalissa. Il-Gvern qed idaħħal biżżejjed flus minn fuq il-petrol u d-diesel permezz tad-dazji u t-taxxi. Huwa stmat li sa Settembru ta’ din is-sena, il-Gvern se jkun daħħal aktar minn €106 miljun ewro mid-dazji u t-taxxi minn fuq il-petrol u d-diesel li tkun impurtat l-Enemed.”

Sitwazzjoni li mhux veru jeżisti suq ħieles

Alfred Farrugia staqsa xi ħtieġa hemm li l-Gvern jisloħ aktar lill-konsumatur tal-petrol u d-diesel meta qed idaħħal daqshekk flus mid-dazji u t-taxxi. “L-istabbiltà tal-prezzijiet hija biss skuża biex il-Gvern ikompli jdaħħal aktar flus minn fuq dahar il-konsumatur.”

X’inhi r-raġuni li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn il-konsumatur lanqas biss jaf xi kwalità jew marka ta’ petrol jew diesel qiegħed jixtri?

F’liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea l-prezzijiet tal-petrol u tad-diesel huma kollha ndaqs eżatt?

F’liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea l-pompi tal-petrol u d-diesel ma għandhom l-ebda indikazzjoni tal-marka tal-petrol u tad-diesel li qegħdin ibigħu?

Fl-isfond ta’ dawn il-mistoqsijiet, Alfred Farrugia ddikjara li f’Malta mhux veru li għandna suq ħieles. Il-kompetittività fl-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel ma teżistix. M’hawn l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn il-Gvern jimporta, jaħżen u jbigħ il-petrol u d-diesel! Il-konsumatur Malti jistħoqqlu aħjar.