BLOGS

Perseveranza akbar

1. Kull gvern jipprova jirreaġixxi għall-problemi soċjali li s-soċjetà tiegħu tkun qiegħda tara. Xi drabi jsiru miżuri li ma jirċevux attenzjoni pubblika li jirnexxu. Drabi oħra naraw ħafna daqq tat-trombi għal dak li minkejja kull intenzjoni finalment jibqa’ ma jirnexxix. Hemm f’dan dawk id-dożi li jitressqu b’aġġettivi superlattivi, f’mumenti bombastiċi li jkunu jridu jsolvu l-komplikazzjonijiet bis-sempliċi dikjarazzjonijiet. Il-ħajja turik li jekk is-soluzzjoni ma tkunx tajba, maħduma, armata u kalkulata kif għandha tkun, ma tirnexxix, minkejja dak li wieħed jista’ jkun jixtieq.

Il-prekarjat
2. Ilna snin nisimgħu fuq kemm hawn ħaddiema Maltin u Għawdxin jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena. Ilna ngħidu li hawn bżonn il-miżuri biex dan ma jibqax iktar jew jonqos drastikament. Il-partit li hawn fil-poter bħalissa għamilha parti mill-kampanja elettorali tiegħu. Tant kienet qawwija li ħafna li kienu u għadhom fil-prekarjat fehmu li appena jinbidel il-partit li jmexxi, se jsiru mill-ewwel tal-fiss. Se jiġu impjegati mhux fuq bażi part-time imma full-time b’salarju adegwat u aqwa. Anki dawk li kellhom xogħol full-time ngħataw x’jifhmu li bit-tibdil se jkollhom qabża kbira fis-salarju tagħhom “daqs tal-Ewropa”.

Baqa’ ma seħħx
3. Minkejja kull dikjarazzjoni u miżura li ttieħdet, il-pożizzjoni fl-impjiegi prekarji baqgħet magħna. Hemm min jgħid li naqset u hemm min isostni li għadha l-istess, jekk mhux li aggravat ukoll. Hawn verżjonijiet differenti fuq in-numru. Biss minn dak li qed naraw, għandna madwar 60,000 persuna li huma impjegati part-time, kemm fejn l-impjieg tagħhom huwa dak tad-dħul prinċipali, kif ukoll fejn huwa sekondarju għal ma’ wieħed full-time, li ma naqsux imma żdiedu. Anzi, naraw li hemm ukoll min jitħajjar jiftaħar kemm sejrin ‘il quddiem għax l-impjieg part-time jiżdied qiegħed. Dan kollu apparti l-konsiderazzjonijiet ta’ nisa li ġew għad-dinja tax-xogħol u l-impjieg tagħhom jibqa’ part-time.

Dawk li tilfu x-xogħol
4. Għal dawk li tilfu x-xogħol hemm realtà oħra. Hemm min sab xogħol ieħor iżda ma sabx neċessarjament wieħed b’salarju aqwa jew kundizzjonijiet aħjar. Fuq dan, tul il-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-istatistika minn tweġiba għal domanda parlamentari li ressaqt. Dik li tul din il-leġiżlatura kien hemm 11,941 ħaddiem li jew tilfu l-impjieg tagħhom għax twaqqfu mix-xogħol jew għax l-entità li magħhom jaħdmu għalqet. Għal dan ingħadli li kien hemm żieda ta’ 14,071 impjieg full-time u 3,533 impjieg part-time. Biss f’dan il-proċess ta’ numri u figuri ħadd ma ħa l-kejl ta’ jekk kienx hemm avvanz fil-kwalità tax-xogħol. Jew jekk kienx hemm min kien impjegat full-time u spiċċa part-time.

Iktar jew inqas sfruttament
5. Kien hemm il-kampanja għaddejja fil-leġiżlatura l-oħra li l-problema hija li hawn ħafna ħaddiema sfruttati u l-Gvern ma huwiex jieħu passi kontra min iħaddimhom. Ingħad li hemm bżonn blacklisting ta’ dawk li jinqabdu jagħmlu hekk. Għalhekk l-argument tkompla li ladarba jidħol mekkaniżmu ta’ kontroll, jispiċċa wkoll il-prekarjat. Dan il-Gvern preżenti għalhekk ħabbar u hekk għamel kważi sena u nofs ilu li kien se jġib fis-seħħ Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali. Tant kienu konvinti li saħansitra f’Marzu 2015 saret konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja u ġie dikjarat li huwa “sinjal b’saħħtu kontra l-prekarjat”. Biss wara dawn ix-xhur kollha r-riżultati huma ineżistenti.

Ebda każ
6. Hemm il-Prim Ministru ġie rappurtat li qal li “Minn issa ‘l quddiem kumpanija mhux biss titlef il-kuntratt li jkollha mal-Gvern iżda ma tkunx tista’ tieħu sehem f’kuntratti oħra ta’ servizz mal-Gvern għal perjodu stabbilit. Dr Muscat qal li min jinqabad jippersisti fil-prekarjat se jkun blacklisted minn sitt xhur sa sentejn u hekk jitlef il-kuntratt li jkollu mal-Gvern u ma jkunx jista’ jipparteċipa f’kuntratti oħra. B’dan il-mod il-Gvern qed jibgħat sinjal b’saħħtu immens biex jiġġieled il-prekarjat.” Diversi kienu impressjonati. Smajt min qalli u faħħarli dan. Ħafna ħasbu li kienet instabet is-soluzzjoni b’dan is-“sinjal b’saħħtu immens”. Tul l-istess ġimgħa, il-pożizzjoni nbidlet u dan wara domanda parlamentari oħra, li fiha staqsejt għal iktar informazzjoni dwar ħidmet dan it-tribunal. Hemm ingħadli li l-istess żamm għaxar seduti minn mindu ġie appuntat fil-31 ta’ Mejju 2015 u sa issa ma tressaq ebda każ quddiemu.

Il-fatti jitkellmu
7. Jekk aċċettajna l-argument li tressqilna li dan it-tribunal kien se jeqred il-prekarjat, naħseb li llum għandna ngħidu li konna żbaljati. Minn din it-tweġiba parlamentari l-fatti qed juru li l-ġlieda kontra l-prekarjat ma hix qiegħda ssir kif għandha ssir. Għax ħadd ma jemmen li ma għandniex ħaddiema jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet. Daqshekk ieħor anqas ma hija wisq spjegabbli kif anqas każ wieħed ma deher quddiem dan it-tribunal. Ir-realtà hija differenti u hemm lok għal iktar ħidma li trid issir. Hemm bżonn sforzi akbar, perseveranza aktar qawwija mill-istituzzjonijiet li permezz tagħhom il-prekarjat jonqos u l-livell tal-għajxien ta’ diversi ħaddiema jitla’ ‘l fuq.