Fl-Awstralja wara li l-ġimgħa li għaddiet saret l-elezzjoni ġenerali li fiha r-riżultat tant kien viċin li kien hemm il-ħtieġa li l-pajjiż jistenna li jsir l-għadd tal-voti anke tal-voti li jaslu bil-posta minn barra l-pajjiż, il-koalizzjoni tal-Prim Ministru Malcolm Turnbull ħarġet rebbieħa. Madankollu r-riżultat huwa wieħed li jħalli lil Turnbull nieqes minn maġġoranza parlamentari u dipendenti fuq numru ta’ politiċi indipendenti u partiti politiċi żgħar.
Minn naħa l-oħra wara ġimgħa li fiha stqarr b’mod ripetut li Turnbull ma’ kellux mandat biex imexxi l-pajjiż il-mexxej Laburista Bill Shorten ametta li l-Partit Laburista kien mill-ġdid tilef l-elezzjoni ġenerali. F’konferenza stampa Shorten spjega li huwa kien ċempel lil Turnbull u feraħlu tar-rebħa elettorali tiegħu. Shorten bassar li l-pajjiż aktarx kien ser ikollu jagħmel elezzjoni oħra fi żmien sena hekk kif il-maġġoranza kienet fraġli wisq.
Analisti politiċi qegħdin ibassru li s-senat mistenni joffri uġiegħ ta’ ras kbira għal Prim Ministru Turnbull hekk kif mistennija jiġu eletti numru ta’ senaturi b’idejat politiċi kuntrastanti ħafna.
//= $special ?>