Partitarju Portugiż ta’ età żgħira jgħannaq u jikkonsla partitarju mbikkem Franċiż. Fil-filmat li ttella’ lbieraħ filgħaxija fuq il-midja soċjali jidher raġel imbikkem, wara t-telfa ta’ Franza mal-Portugal waqt il-partita finali tal-Kampjonat Ewropew 2016. Ftit tas-sekondi wara, tifel żgħir bil-flokk u bandiera tal-Portugal imur fuq ir-raġel, joħodlu b’idu u jgħannqu.
Dan il-ġest sabiħ jirrifletti li għalkemm f’sitwazzjonijiet bħal tal-bieraħ, fejn ikun hemm qasma bejn in-nies minħabba l-pajjiżi, fil-verità bejn in-nies m’għandux ikun hemm fruntieri.
Il-filmat xxerred minn mijiet ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja kollha.
Il-finali tal-Kampjonat Ewropew spiċċat b’goal fil-109 minuta min-naħa tal-Portugal biex b’hekk rebħu t-tazza minn fuq Franza.