Lokali

F’Malta 37.5% ta’ dawk li jimpjegaw, jistennew li l-impjegati jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol.

F’Malta, 37.5% ta’ dawk li jimpjegaw, jippretendu jew jistennew li l-impjegati jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol.

Dan joħroġ minn stħarriġ li għamel MISCO dan l-aħħar dwar l-użu tat-teknoloġija barra mill-ħin tax-xogħol. Dan l-istħarriġ kien ippreżentat waqt laqgħa riċenti tas-serje MISCO In The Hot Seat li għaliha attendew human resources managers, executives u nies li jaħdmu fil-qasam tal-komunikazzjoni f’għadd ta’ kumpaniji.

71% ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ ta’ MISCO iħossu li l-użu tat-teknoloġija ‘il barra mill-uffiċju qed iwassal għal stress filwaqt li 35.8% minn dawn iħossu wkoll li qed isibuha diffiċli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fid-dar jew mal-familja minħabba li l-ħin kollu jaħsbu dwar xogħol.

“Meta tiqs dan, tirrealiżża li bdejna nitkellmu dwar il-kunċett ta’ work-life balance meta l-użu tat-teknoloġija biex naħdmu barra mill-uffiċju rabatna iżjed max-xogħol, ukoll meta m’aħniex mistennija li nkunu qed naħdmu. Huwa għalhekk li llum, ħafna jemmnu li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja ntilef,” qal Lawrence Zammit, Direttur ta’ MISCO.

“Dwar il-fatt li jeżistu kumpaniji li jistennew li l-impjegati jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol, dan jiddependi minn natura tax-xogħol u mill-kultura ta’ l-organiżżazzjoni, mill-kapaċità ta’ min iħaddem li jagħmel distinzjoni bejn ħin tax-xogħol u ħin barra mix-xogħol u kif il-kumpanija tħares lejn il-kunċett ta’ remote working,” żied is-sur Zammit.

“Il-ħin jidher li qatt mhu biżżejjed u mentalment ma nafux nieqfu. Huwa għalhekk li ħafna iżjed nies qed iħossuhom qed jaħdmu żżejjed. Lokalment, biex jevitaw l-agħar ħinijiet tat-traffiku, ħafna qed jagħżlu wkoll li jidħlu izjed kmieni għax-xogħol jew idumu iżjed ma jitilqu u b’hekk qed jaħdmu għal ħinijiet itwal. Qed insibuha wkoll iżjed diffiċli nimmaniġġjaw lilna nfusna meta t-teknoloġija twaqqafna minn dak li nkunu qed nagħmlu. Tant hawn teknoloġija li m’aħniex qed inlaħħqu,” żied qal is-sur Zammit.

L-istudju juri kif 70.9% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ qalu li jiċċekkjaw l-emails kuljum filwaqt li 56.9% ta’ dawk li qalu li jiċċekkjaw l-emails tagħhom għallinqas darba kuljum barra mill-ħin tax-xogħol, iħossu li t-telefon ċellulari huwa importanti ħafna għax-xogħol tagħhom. Dan huwa marbut mal-fatt li iżjed u iżjed nies qed jużaw it-teknoloġija għal skop ta’ xogħol.

L-istħarriġ jidentifika wkoll kemm sigħat in-nies tgħaddi kuljum taħdem permezz tat-teknoloġija barra mill-ħin tax-xogħol, 34% qalu li jgħaddu inqas minn siegħa, 34.6% jgħaddu bejn siegħa u sagħtejn filwaqt li 31.4% iqattgħu sagħtejn jew iżjed.

38% ta’ dawk li jgħaddu iżjed minn sagħtejn jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol, jiċċekkjaw l-emails tagħhom kuljum. Dan ifisser li minbarra t-8 siegħat xogħol, qed isiru sagħtejn xogħol iżjed barra mill-ħin tax-xogħol. 94.5% ta’ dawk li jaħdmu ‘l barra mill-ħin tax-xogħol, jippreferu jaħdmu filgħaxija. 31.3% jaħdmu wkoll filgħodu qabel ma jmorru x-xogħol. 19.2% qalu wkoll li s-soltu jibqgħu jagħdmu wkoll matul il-break kemm permezz tal-laptop, kompjuter jew bil-mobile.

Ovvjament, il-vantaġġi ma jistgħux jitwarrbu jew jintesew. It-teknoloġija ġġib flessibiltà għaliex tippermetti li wieħed jaħdem minn kull fejn ikun u f’każ li tinqala’ xi ħaġa urġenti, din ħafna drabi tista’ tissolva permezz tat-teknoloġija u l-komunikazzjoni. It-teknoloġija twassal għal iżjed produttività u effiċjenza.

“Il-problemi jibdew meta dawk li jħaddmu, jibdew jippretendu lill-impjegati li jintlaħqu, ikun x’ħin ikun. Meta jkun hemm ħafna aspettattivi żejda, jinħolqu d-dubji u fid-dubju, iżjed faċli li jinqala’ kunflitt. Dan kollu jkollu impatt negattiv fuq il-ħajja personali u familjari, fuq relazzjonijiet, jinħoloq stress personali u dan ikollu impatt fuq ix-xogħol u l-ħidma ta’ l-impjegat,” żied qal Lawrence Zammit.

F’Malta, 37.5% ta’ dawk li jimpjegaw, jippretendu jew jistennew li l-impjegati jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol. Dan jiddependi minn natura tax-xogħol u mill-kultura ta’ l-organiżżazzjoni, mill-kapaċità ta’ min iħaddem li jagħmel distinzjoni bejn ħin tax-xogħol u ħin barra mix-xogħol u kif il-kumpanija tħares lejn il-kunċett ta’ remote working.

“Ovvjjament, il-flessibiltà fix-xogħol taħdem l-aħjar meta l-impjegati jkunu responsabbli, jirrispettaw il-miri li jkollhom u jirnexxielhom jagħmlu x-xogħol mistenni minnhom. Minn naħa l-oħra, ħafna jargumentaw ukoll dwar l-importanza li jkun hemm ċerta preżenza mill-impjegati sabiex jissaħħaħ l-element ta’ teamwork u sabiex l-interazzjoni bejn l-impjegati ma tintilifx. Sfortunatament, filwaqt li t-teknoloġija kienet maħsuba sabiex ittejjeb il-komunikazzjoni, ħafna huma dawk li jħossu li l-persuni qed jitilfu l-kapaċità li jikkomunikaw bl-iżjed mod bażiku,” temm qal Lawrence Zammit.