F’kumment ta’ kundanna mill-Qorti, Maġistrat jgħid li l-awtoritajiet Maltin qed ikunu passivi u kodardi dwar it-tniġġis ikkawżat minn ħsejjes eċċessivi, partikolarment fiż-żona ta’ Paceville f’San Ġiljan.
Il-Maġistrat Ian Farrugia stqarr li ilu jisma’ każijiet simili għall-erba’ snin sħaħ kontra s-sidien tal-istabillimenti f’Paceville dwar ħsejjes eċċessivi, minn meta ilu jisma’ każijiet tad-distrett ta’ San Ġiljan. Fl-istess diskors fl-awla, l-Maġistrat apella direttament lill-Prim Ministru sabiex jieħu azzjoni u jipproteġi lir-residenti ta’ din iż-żona.
Kompla billi stqarr : “L-awtoritajiet qed jaħlu l-ħin fuq studji u rapporti dwar dan it-tniġġis, u jfarfru r-responsabbilta’ fuq il-Qrati Maltin minflok jieħdu azzjoni huma stess – b’konsegwenza li l-każ jispiċċa jitpoġġa quddiem il-Qorti, li fl-oppinjoni ta’ din il-Qorti hi mentalita’ kodarda”. Il-Maġistrat Farrugia ordna sabiex il-minuti tal-każ jintbagħtu direttament lill-Prim Ministru, lill-Ministru tal-Intern, lill-Ministru tal-Ġustizzja, u lill-Kumissarju tal-Pulizija; mhux għax qed jistenna’ li l-Gvern isolvi l-każijiet imma biex iwassal il-messaġġ tal-Qorti lill-Ministeri konċernati.
Il-Maġistrat qal ukoll li kieku l-Gvern jieħu deċiżjonijiet dwar dawn il-każijiet mal-ewwel, kieku l-każijiet il-Qorti jonqsu drastikament, kif ukoll ir-residenti ta’ din iż-żona jsibu l-mistrieħ u jonqos l-abbuż f’din iż-żona ta’ Malta.
Il-każ li wassal għal dan il-kumment iebes fil-konfront tal-Gvern jikkonċerna lil Joseph Deguara, f’isem il-Beach Garden Hotel li tagħmel parti mill-Villa Rosa, fejn ġiet organizzata attivita’ kummerċjali f’żona urbana, fejn fl-istess attivita’ intuża volum għoli ta’ mużika fil-ħinijiet ta’ bejn il-11pm u d-9am. Fl-istess żona u f’każ simili, hemm involut ir-restaurant Paranga li hu parti mill-lukanda Intercontinental u jinsab fuq il-bajja San Ġorġ, u li f’ismu qed jidru iċ-chairman tal-Eden Lesiure Ian De Cesare u d-director of sales tal-Intercontinental Malta Jesmond Debono. Dawn il-każijiet għadhom pendenti.
//= $special ?>