Il-Gvern ma jridx jikkommetti ruħu li jippubblika l-kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare qabel jiffirma ftehim mal-UĦM dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
Il-Gvern ma jridx jikkommetti ruħu li jippubblika l-kuntratt li ffirma mal-kumpanija Vitals Global Healtcare qabel ma jkun iffirmat ftehim ieħor bejn il-Gvern u l-UĦM Voice of the Workers bil-għan li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jkunu garantiti.
NETnews.com.mt jinsab infurmat li jekk il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitals ma jkunx ippubblikat, il-UĦM ma teskludix li tieħu xi azzjonijiet industrijali jekk isir magħruf li l-ftehim li l-Gvern laħaq mal-Vitals ikun jinkludi kundizzjonijiet li ma jkunux saru bi qbil mal-UĦM; jew jekk il-Gvern jibqa’ ma jiffirmax ftehim mal-union dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Is-sena li għaddiet, il-Gvern ħabbar li se jipprivatizza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech, u jgħaddihom f’idejn Vitals Global Healthcare.
Iżda sena wara l-aħbar li l-Gvern se jipprivatizza dawn l-isptarijiet, il-Gvern għadu ma laħaq l-ebda ftehim mal-UĦM dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet. Agħar minn hekk, skont uffiċjal fi ħdan il-UĦM, il-Gvern “ma jridx jikkommetti ruħu” li jippubblika l-kuntratt li ffirma mal-Vitals Global Healthcare.
Dan wassal biex fl-aħħar jiem, il-UĦM qalet li mhux beħsibha tiffirma l-ebda ftehim mal-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet jekk il-kuntratt oriġinali bejn il-Gvern u l-Vitals ma jkunx ippubblikat u mpoġġi taħt l-iskrutinju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Il-UĦM trid tara wkoll x’ġie miftihem bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare qabel tiffirma ftehim mal-Gvern dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Karen Grech.
Fil-bidu ta’ din is-sena, il- UĦM Voice of the Workers kienet bdiet tinnegozja ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa biex id-drittijiet tal-ħaddiema fit-tliet sptarijiet ikunu salvagwardati. Iżda d-diskussjonijiet bejn il-union u l-Gvern dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema issa ilhom wieqfa erba’ xhur wara li kienu waqfu kompletament lejn l-aħħar ta’ Frar li għadda meta kien faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum ta’ In-Nazzjon
//= $special ?>