Kultura Lokali

Jitħabbru dettalji dwar il-Marsovin Summer Wine Festival

Imħabbra kollaborazzjoni bejn Marsovin u l-Fondazzjoni Valletta 2018

Imdawwar b’imbejjed li uħud minnhom imorru lura għexieren ta’ snin, il-Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin, Jeremy Cassar, ħabbar dettalji dwar il-Marsovin Summer Wine Festival li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa – bejn il-15 u s-17 ta’ Lulju fil-ġnien Hastings fil-Belt Valletta.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza organizzata fil-Marsovin Cellars. Jeremy Cassar kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, hekk kif tħabbru wkoll dettalji dwar sħubija bejn il-kumpanija Marsovin u l-Fondazzjoni V18.

L-għan tal-festival hu li jippromwovi l-inbejjed tal-Marsovin, li huma ċertifikati ta’ kwalità D.O.K u I.Ġ.T. Jeremy Cassar qal li l-festival kien sar l-ewwel darba biex jagħti lil min huwa dilettant tal-inbid l-opportunità li jduq selezzjoni vasta ta’ inbejjed Maltin. Il-festival li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa se jkun id-9 edizzjoni tiegħu.

Intant, ingħataw dettalji wkoll dwar kollaborazzjoni ġdida bejn Marsovin u l-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin qal li l-bidu tal-kollaborazzjoni kienet immarkata b’rebranding tal-inbid popolari ‘La Vallette’ – li ngħata t-titlu bħala l-inbid uffiċjali għall-avveniment ‘Valletta 2018 – Il-Kapitali Ewropea għall-Kultura’.

Dwar dan, il-Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin Jeremy Cassar qal li l-Marsovin timpjega numru ta’ Maltin li lkoll huma kburin bil-patrimonju vitikulturali tal-kumpanija. “Il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Marsovin hija sħubija li tagħmel ħafna sens, u waħda li tagħmilna kburin. Il-Belt Valletta hija belt kapitali li aħna bħala Maltin għandna nħossuna kburin biha” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv.