L-għaqda Din l-Art Ħelwa kitbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jispjega għaliex l-Imrieħel ma kienx inkluż fil-lista tal-postijiet li fihom jista’ jsir bini għoli, u f’daqqa waħda ġie inkluż minn wara dahar kulħadd. Din l-Art Ħelwa qed tistenna spjegazzjoni ċara mill-Prim Ministru sabiex jgħid kif il-Gvern qabad u ddeċieda b’dan il-mod.
Dan sar magħruf waqt diskussjoni li saret illum fil-programm Follow-Up fuq Radio 101 immexxi minn Robert Cremona, fejn bħala mistiedna kien hemm Maria Grazia Cassar u Petra Caruana Dingli mill-għaqda Din l-Art Ħelwa.
Din l-Art Ħelwa kitbet lill-Prim Ministru nhar is-Sibt li għadda sabiex jaraw x’tip ta’ studji saru fuq l-impatt li se jkollhom dawn il-binjiet għoljin fl-Imrieħel.
“Mhux tajjeb li l-Gvern jaqbad u jgħid li fl-Imrieħel se jsiru high-rise buildings”, qalet Dr Caruana Dingli. Hi qalet ukoll illi jekk tinbidel policy, din trid issir fuq xi bażi partikolari u studji serji.
Waqt il-programm sar magħruf ukoll l-Erbgħa, membri ta’ din l-għaqda ambjentali se jkollhom laqgħa mal-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera.
//= $special ?>