Lokali Qorti

Ma nstabx ħati ta’ moħqrija fuq id-debba

Ma nstabx ħati ta’ moħqrija l-kuċċier li f’April inqabad f’filmat allegatament isawwat debba, bi frosta.

Il-każ kien seħħ fis-Swatar. Il-kuċċier Alban Josef Saliba, kien akkużzat wkoll b’nuqqas ta’ responsabilita għat-trattament xieraq tal-annimali. Akkużi li għalihom wkoll ma nstabx ħati. Saliba kien tressaq il-Qorti f’April stess u saħansitra kienu saru anke spezzjonijiet fl-istalel tiegħu biex ikun stabbilit f’liema stat jinżammu l-annimali. Mill-investigazzjnijiet li saru ġie konluż li ż-żwiemel jinżammu fi stat tajjeb.

Fil-Qorti Saliba spjega kif dakinhar hu beda jagħti bil-frosta lid-debba biex tqum mill-art maljar kemm jista’ jkun għaliex kienet tweġġa aktar li kieku baqgħet mal-art. Id-debba spiċċat mal-art wara li żelqet waqt li rifset sleeping policeman fis-Swatar. Qal wkoll li biex id-debba setgħet tqum kellu jgħinu ħuh li mar fuq il-post. Saliba qal wkoll li ma riedx iweġġa’ d-debba għaliex hi għal qalbu.

Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li meta ntużat il-frosta ma kienx hemm l-intenzjoni li ssir xi forma ta’ moħqrija fuq id-debba tant li meta saret l-ispezzjoni fuq id-debba ma nstabu l-ebda sinjali ta’ swat. Instabu biss l-effetti tal-waqa’. Ingħad wkoll kif ħafna drabi l-fosta fuq iż-żwiemel tintuża biex żiemel li jaqa’ jinkoraġġuh biex iqum.

Il-Maġistrat qal li dan il-każ juri kif ħafna drabi l-apparenza tista’ tqarraq bik u għalhekk ħeles lil Saliba minn kull akkuża.