Futbol Sport

Se nippruvaw nġibu rispett mingħand l-avversarji – Paul Zammit

Stewart Said

Għada Valletta se jkunu qed jilagħbu l-ewwel leg tat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League kontra l-qawwa Serba ta’ Red Star Belgrade. F’konferenza stampa lejliet il-partita, il-kowċ ta’ Valletta Paul Zammit qal li Red Star Belgrade huma tim li għandu budget u aspirazzjonijiet differenti minn Valletta, iżda se jkun qed jirrispetta lill-avversarji u se jippruvaw iġibu rispett mingħand l-avversarji.

Zammit qal li Red Star kellhom staġun pożittiv u minkejja li tilfu xi plejers mill-iskwadra, għarfu jakkwistaw ukoll u għalhekk jistgħu jżommu l-bażi li kellhom bħala tim. Il-kowċ Belti tkellem ukoll dwar l-aħħar partita kontra B36 Torshavn fejn tenna li kellhom vjaġġ diffiċli, u jaf is-sagrifiċċji li għamlu fejn tenna li hu kburi bil-plejers.

Dwar l-iskwadra, Paul Zammit ikkonferma l-injury tal-gowlkiper Nicky Vella fejn qal li testijiet urew li se jkollu jagħmel operazzjoni tal-cruciate. Kawża ta’ dan, Valletta akkwistaw gowlkiper ġdid mil-Litwanja bl-isem ta’ Džiugas Bartkus li wasal ilbieraħ. Zammit qal li kien ilu jsegwi lill-gowlkiper iżda għadhom ma jafux jekk hux se jkun eliġġibli għal partiti kontra Red Star minħabba li għadhom qed jistennew it-TMS li huma l-karti neċessarji biex ikun jista’ jiġi reġistra.

Mistoqsi dwar Steve Borg, Paul Zammit qal li Borg seta’ kien inkluż fil-partita tat-tieni leg, iżda minħabba prekawzjoni għażel li Borg jibqa’ barra. Iżda għal partita ta’ għada, grazzi għat-trattament li ngħata, Borg se jkun eliġġibli għal partita ta’ għada u jiddependi mill-ħsibijiet tal-kowċ jekk jibdiex mill-bidu fejn mistoqsi dwar il-formazzjoni, Zammit qal li hu dejjem ried plejers u skwadra versatili biex ikunu jistgħu jintużaw f’sistemi differenti.

Il-partita tibda fit-8.00pm fil-Hibernians Stadium.