Internazzjonali

Theresa May se tkun il-PM ġdid tar-Renju Unit

Theresa May se tkun il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit – it-tieni darba li se jkun hemm mara f’din il-kariga wara l-era ta’ Margaret Thatcher. Hi se tieħu l-ġurament nhar l-Erbgħa.
Dan wara li Andrea Leadsom irtirat mill-elezzjoni biex ikun elett il-kap il-ġdid tal-Partit Konservattiv. Elezzjoni li min kien jirbaħha kien isir ukoll il-Prim Ministru peress li l-Konservattivi huma fil-Gvern.
L-elezzjoni kellha ssir wara li ġimagħtejn ilu, David Cameron ħabbar li kien se jirriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru wara t-telfa fl-elezzjoni dwar il-Brexit. Hu kien stqarr li t-tir kien li sa Ottubru jkun hemm Prim Ministru ġdid.
Wara d-dikjarazzjoni ta’ Leadsom, Cameron ħabbar li l-Erbgħa kien se jmur għand ir-Reġina u jippreżenta r-riżenja u May tieħu l-ġurament minfloku.