Lokali

Żieda fin-numru ta’ lmenti li l-pubbliku ressaq fil-konfront ta’ entitajiet governattivi – Ombudsman

Żieda qawwija ta’ lmenti kontra dipartimenti tal-Gvern quddiem l-Ombudsman bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirreġistra numru kbira ta’ lmenti fil-konfront tiegħu

L-Uffiċċju tal-Ombudsman rreġistrata żieda ta’ 14 fil-mija fl-ilmenti li rċieva fl-2015; bil-Ministeri tal-Gvern jirċievu 405 ilment u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jkun it-tieni l-aktar ministeru li rċieva lmenti.

L-Ombudsman Parlamentari Anthony C. Mifsud ippreżenta r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-2015 lill-Ispeaker Anglu Farrugia.

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Uffiċċju tal-Ombudsman reġa’ kellu żieda fl-ammont ta’ lmenti li tressqu quddiemu.

Fil-fatt fl-2015, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva 611-il ilment. Dan ifisser żieda ta’ 14% fuq is-sena 2014.

Din ir-riżultat isegwi ż-żieda ta’ 9% li kien hemm fl-2014. Dawn ir-riżultati huma primarjament attribwiti għall-inizjattivi ta’ outreach li twettqu matul l-2015.

Mis-611-il każ, 405 kienu investigati mill-Ombudsman Parlamentari, 76 każ mill-Kummissarju għas-Saħħa, 65 każ mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u 65 każ mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.

Meta kienu klassifikati l-ilmenti kollha li l-Ombudsman irċieva bħala dipartimenti Governattivi jirriżulta li l-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali rċieva 54 ilment, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kellu 50 ilment waqt li l-Ministeru tal-Familja u s-Sigurtà Soċjali kellu 45 ilment.

B’kollox, fl-2015 l-Ombudsman irċieva 405 ilment relatat ma’ dipartimenti tal-Gvern, bl-akbar ammont – 70 – jidħol minn residenti ta’ Birkirkara.

L-ilmenti kollha kienu maqsuma skont id-dipartimenti u l-entitajiet fejn jirriżulta li għat-tieni sena konsekuttiva l-ilmenti kontra l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u l-ARMS kienu fuq quddiem fl-ilmenti.

Fl-2015, il-WSC u l-ARMS kellhom 32 ilment, żieda ta’ 23 fil-mija fuq l-2014. Wara l-WSC u l-ARMS ġiet Transport Malta b’24 ilment; id-doppju tal-ilmenti li tressqu fl-2014.

Għall-ewwel darba l-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliku ġiet fl-ewwel ħames entitajiet iffaċċjati b’ilmenti tant li kellha 22 ilment; żieda ta’ 37 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.

Mir-rapport jirriżulta li fl-2015, in-numru ta’ lmenti finalizzati żdiedu b’14 fil-mija fuq l-2014. Mill-każi konklużi, kienu biss sebgħa kkunidrati ġustifikati mill-Ombudsman b’konklużjoni sodisfaċenti għal min ressaq l-ilment.

Mill-354 każ finalizzat fl-2015,kien hemm 62 każ li kienu finalizzati billi ngħataw parir jew assistenza u mingħajr il-ħtieġa li ssir investigazzjoni formali.

Kien hemm ukoll 104 każ li ssolvew b’azzjoni informali waqt li l-każi li tressqu iżda li jaqgħux taħt il-kompetenza tal-ġurisdizzjoni tal-Ombdusman ammontaw għal 83 każ.