Internazzjonali

Cameron ilaqqa’ l-Kabinett għall-aħħar darba fir-Renju Unit

It-Tmexxija tar-Renju Unit se tgħaddi għal idejn Theresa May, li minn għada, tibda taħseb għal amministrazzjoni ġdida ‘għal wara l-Brexit’. Dan ladarba l-Prim Ministru attwali, David Cameron, jippreżenta r-riżenja tiegħu lir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra bħala parti minn proċess li kien ikkonfermat fil-bidu tal-ġimgħa.

Intant, David Cameron mexxa l-aħħar laqgħa għall-Kabinett ta’ Londra bħala Prim Ministru u meta r-riżenja tiegħu twitti t-triq għal Theresa May biex, bħala suċċessur, taħtar il-Kabinett tal-Ministri ġdid f’Londra. Cameron, li kien ilu Prim Ministru mill-2010, iddeċieda li jirriżenja wara li l-Britanniċi vvutaw biex ma jkomplux bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u wara li hu kien mexxa l-kampanja bit-tema Remain.

Madankollu Cameron qal li May, bħala Prim Ministru ġdid, se jkollha ‘l-appoġġ sħiħ tiegħu’ waqt li sostna li ‘hi għandha l-kapaċitajiet ta’ mexxej li l-pajjiż għandu bżonn’.

Cameron, għada, imexxi s-sessjoni Prime Minister’s Questions fil-Parlament qabel imur fil-Palazz ta’ Buckingham u jgħaddi r-riżenja uffiċjali lir-Reġina waqt li jirrakkmanda li hi tibgħat għal Theresa May bħala Prim Ministru suċċessur. Theresa May imbagħad għandha tmur il-Palazz biex tilqa’ l-istedina tar-Reġina biex tifforma Gvern.

L-iżviluppi politiċi jidhru li qabdu ritmu ġmielu mindu Andrea Leadsom, li kienet ir-rivali ewlenija ta’ Theresa May għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, irtirat mit-tellieqa. Min-naħa tagħha, May, li kienet ilha Segretarju għall-Intern mill-2010, qalet li tħossha onorata li se tmexxi lir-Renju Unit filwaqt li impenjat ruħha biex tagħmel suċċess mill-proċess għall-ħruġ ta’ pajjiżha mill-Unjoni Ewropea.

Theresa May ma naqsitx milli tfaħħar lil David Cameron għall-mod kif hu mexxa l-Partit Konservattiv u l-Gvern tar-Renju Unit. Wara l-laqgħa tal-Kabinett, May u l-Kanċillier tal-Finanzi George Osborne ħadu l-inizjattiva biex iroddu ġieħ speċjali lil Cameron fejn irriflettew ‘fuq dak kollu li hu irnexxielu jwettaq (bħala Prim Ministru) tul dawn is-sitt snin’. Issemmiet ukoll il-mod kif Cameron bidel il-Partit Konservattiv, bid-deputati Konservattivi ‘jirrikonoxxu l-ġid li għamel għar-Renju Unit kollu’.

Madankollu, numru ta’ deputati Laburisti, flimkien ma’ membri tal-Partit Liberali Demokratiku u l-Partit tal-Ħodor qed jinsistu għal elezzjoni ġenerali bikrija fir-Renju Unit. Id-deputat Laburista Jon Trickett qal li hu ‘kruċjali’ li l-pajjiż ikollu ‘Prim Ministru elett bil-mezzi demokratiċi’ waqt li sostna li hu, bħala kordiantur Laburista għall-elezzjonijiet ġenerali, qed jipprepara lill-partit ‘għal din l-eventwalità’.

Iżda Theresa May ma tidhirx li se ċċedi għat-talbiet biex issir elezzjoni ġenerali. Dan meta hi, fil-jiem li ġejjin, trid tieħu ħsieb in-negozjati mal-UE ta’ wara l-Brexit, minbarra li tikkontrolla l-immigrazzjoni u tmexxi l-ekonomija nazzjonali. Minbarra dawn l-isfidi kbar, May teħtieġ taħtar Kabinett ibbilanċjat fejn il-Ministri jaħdmu flimkien biex inaqqsu mid-diżgwid li għadu jbaqbaq wara r-referendum dwar il-Brexit.