Lokali Parlament

Il-politiku jrid ikun leali lejn il-verita’ – Beppe Fenech Adami

Il-politiku għandu jkun leali lejn min tah is-siġġu imma l-politiku jrid ikun ukoll leali mal-verità.

Saħaq dan il-viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tal-Partit, Beppe Fenech Adami waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-istandards tal-politiċi.

Beppe Fenech Adami qal li dan l-abbozz qed jiġi diskuss f’mument fejn qed tonqos il-fiduċja fil-politika bil-poplu jistenna ħafna mill-politiku fil-mod kif iġib ruħu.

Din hi t-tielet sena ta’ amministrazzjoni laburista u hawn maġġoranza li tħossha ttraduta għaliex fil-kampanja tal-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm ħafna min daħaq bihom, ma qalilhomx il-verità u saħansitra gideb.

Hawn maġġoranza li tħoss li dak li ġiet imwegħda mill-Gvern ma ngħatax. Tliet snin ilu kien hawn partit li daħaq b’ħafna nies ġenwini. Partit li wiegħed ħafna lil ħafna nioes u fl;ok ta dak li wiegħed itradixxa lil dawk li vvotawlu.

Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Laburista laħaq b’għajtiet li wassluh biex rebaħ b’maggoranza kbira.
Beppe Fenech Adami qal li wegħda oħra miksura hi dik tat-trasparenza. Il-Gvern biegħ ukoll il-ġid tal-poplu Malti u fuq kollox żamm moħbi kulma għamel. Illum hawn sitwazzjoni fejn il-Gvern biegħ l-isptarijiet bir-riżultat li għall-ewwel darba l-Gvern Malti mhux se jkollu sptar f’Għawdex.

Beppe Fenech Adami qal li filwaqt li l-Gvern jitkellem fuq it-trasparenza, għandna sitwazzjoni oxxena fejn persuni li lanqas rifsu l-art Maltija, b’mod korrott anke ingħataw il-vot biex jgħażlu lil min jitla’ fil-Parlament. Kieku ma kienx hemm il-PN biex janalizza ħalli dan l-abbuż ma jsirx, kien se jkun hawn nies li bla dritt jingħataw il-vot.

Beppe Fenech Adami rrefera għal applikazzjonijiet quddiem Identity Malta. Semma kif Persuna russa, wieġbet li damet f’Malta 15-il ġurnata biss. Minkejja li l-liġi titlob li persuna trid tgħix f’Malta għal sitt xhur. Beppe Fenech Adami qal li minkejja l-ftaħir tad-due diligence, Identity Malta tat iċ-ċittadinanza li persuna involut fil-ħasil tal-flus.