Lokali

Iwieġeb l-anzjan ta’ 70 sena li spiċċa attakkat mill-Ministeru ta’ Joe Mizzi

NETnews.com.mt ilbieraħ ippubblika storja dwar ilmenti ta’ 528 persuna ngħaqdu flimkien biex permezz ta’ petizzjoni, jilmentaw mal-Prim Ministru, mal-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi u ma’ Transport Malta dwar il-fatt li tneħħiet ir-rotta 110 ta’ Ta’ Ġiorni. Agħfas hawn għall-istorja sħiħa.

F’risposti għall-mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Joe Mizzi, Charmaine Craus, f’isem il-Ministeru, iġġustifikat it-tneħħija tar-rotta u minflok infexxet f’attakk fuq l-anzjan, Lino Spiteri, li kien xpruna l-petizzjoni.

Fir-risposti tagħha, Charmaine Craus kitbet hekk: “il-Ministeru jiddikkjara li kien dan l-individwu li aġixxa b’mod irresponsabbli biex jipprova, bil-metodi kollha possibbli, iġiegħel lil Transport Malta tfassal rotta ddisinjata apposta għalih u għal mara tiegħu. Saħansitra uża kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ uffiċjali tal-customer care tal-Ministeru.”

Iżda NETnews.com.mt jinsab infurmat li r-raġel imsemmi, Lino Spiteri ta’ 70 sena, bagħat ittra uffiċjali lura lill-Ministeru ta’ Joe Mizzi biex “jiċħad kategorikament” li uża kliem dispreġġjattiv fil-konfront ta’ xi entita’ inkluża l-customer care ta’ Transport Malta.

Fl-ittra tiegħu indirizzata lil Charmaine Craus, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Joe Mizzi, l-anzjan ta’ 70 sena kiteb hekk: “Charmaine, qegħda timplika li jien qed ninqeda b’530 ruħ għall-konvenjenza tiegħi. Dan attentat ċar tiegħek u tal-Ministeru biex timminaw l-għaqda bejnietna u l-awtorita’ li tawni biex nirrappreżentahom. It-tattika “divide and rule” – ġelled ħa tirrenja – ilna nafuha. Din responsabbilta?”

“Irresponsabbli għax qed inwassal il-vuċi ta’ 530 ruħ?” staqsa l-anzjan fl-ittra tiegħu lill-Ministeru ta’ Joe Mizzi.

Screen Shot 2016-07-12 at 8.30.37 AM

Ritratt: L-attakk fuq l-anzjan ta’ 70 sena sar mill-Ministeru ta’ Joe Mizzi (xellug), iżda nkiteb minn Charmaine Craus (lemin), l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Joe Mizzi