Priġunier li kien qed jitmexxa minn ċella rnexxielu jaħtaf l-arma ta’ fizzjal u joqtol żewġ uffiċjali għall-infurzar tal-liġi f’bini tal-qorti, fl-Istat Amerikan ta’ Michigan. L-istess priġunier ukoll spiċċa maqtul meta sparawlu uffiċjali armati fil-viċinanzi.
Il-każ seħħ fil-belt ta’ St Joseph, lejn il-Grigal ta’ Chicago, u fejn id-dmir tal-uffiċjali maqtula, magħrufa bħala bailiffs, kien li jipprovdu s-sigurtà għall-bini tal-qorti.
Intant, l-awtoritajiet f’Berrien County qalu li l-priġunier inkwistjoni, li kellu jidher quddiem il-maġistrat, kellu konfront mal-uffiċjali u approfitta mill-konfużjoni biex jaħtaf l-arma tan-nar ta’ wieħed mill-bailiffs u jiftaħ in-nar fuq il-persuni qrib tiegħu.
In-nies li kienu f’dak il-kwartier tal-qorti fittxew il-kenn kif setgħu qabel l-uffiċjali qatlu lill-priġunier armat. L-aħħar rapporti qalu li viċi-sheriff u persuna oħra spiċċaw midruba waqt l-isparar u jinsabu l-isptar f’kundizzjoni stabbli.
Il-priġunier ma kienx identifikat u lanqas ma ssemma t-tip tal-akkuża li hu kien qed jiffaċċja.
//= $special ?>