Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) sostna li l-ekonomija tal-Italja se jkollha tistenna sal-2025 jew ftit aktar biex tirritorna għal-livelli ta’ qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008. Dan meta l-kelliema tal-IMF implikaw li ‘l-Italja spiċċat titlef 20 sena ta’ żvilupp’.
L-IMF kompla jgħid li sa nofs is-snin 2020, l-ekonomiji tal-pajjiżi msieħba fiz-zona ewro se jkunu bejn 20 u 25 fil-mija akbar mil-livelli rreġistrati fl-2008.Il-kummenti ngħataw meta l-IMF naqqset it-tbassir għall-iżvilupp tal-Italja, li hi t-tielet l-akbar ekonomija taz-zona ewro. Mistenni, issa, li l-ekonomija tal-Italja tikber b’anqas minn wieħed fil-mija din is-sena, meta l-pronostiku oriġinali indika ‘żvilupp ta’ 1.1 fil-mija’.
L-IMF naqqas ukoll it-tbassir għall-iżvilupp, fl-2017, għal madwar wieħed fil-mija mill-1.25 fil-mija imbassar oriġinarjament. L-Italja, fil-preżent, għandha qgħad ta’ 11 fil-mija u kriżi fis-settur bankarju. Dan meta l-Greċja biss, fost l-Istati taz-zona ewro, għandha dejn akbar minn tal-Gvern Taljan. Hu wkoll minnu li l-banek fl-Italja qegħdin jerfgħu piż enormi ta’ djun li ma tħallsux u jistgħu jeħtieġu injezzjoni sinifikanti ta’ fondi.
L-IMF, issa, jistenna li l-ekonomija tal-Italja tirkupra b’mod ‘li jirrifletti l-fraġilità tagħha’ u meta dan se jkun proċess fit-tul. Fl-istess ħin, il-Fond għamilha ċara li l-awtoritajiet Taljani qegħdin jiffaċċjaw ‘sfida mill-akbar’ minn dan l-aspett.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, l-IMF naqqas it-tbassir għall-iżvlupp għaz-zona ewro sħiħa minħabba l-mistenni impatt tal-vot tar-Renju Unit ( waqt ir-referendum storiku) biex iħalli l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>