L-Oppożizzjoni taqbel mal-abbozz ta’ ligi dwar standards fil-ħajja pubblika. Dan hu abbozz instigat mill-Partit Nazzjonalista biex id-demokrazija tkun imsaħħa b’liġi li tirrendi lill-politika bħala persuna li sservi li tisserva, bħala politiku korrett mhux korrott.
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li dan l-abbozz kien instigat minn mozzjoni li kien ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ftit xhur wara li l-Parlament beda l-ħidma tiegħu f’din il-leġislatura.
Clyde Puli qal li dan l-abbozz ilu sentejn u nofs fuq l-ixkaffa filwaqt li l-fiduċja fil-politika bdiet titnawwar. Ħafna nies stenna governanza tajba, li fil-fatt baqgħet ma dehritx tant li Membru Parlamentari għażlet li titlaq mill-Grupp Parlamentari Laburista.
L-abbozz qed jipproponi prinċipji li jistgħu jagħtu fiduċja fil-politika, liema fiduċja spiċċat nieqsa għaliex dawn il-prinċipji ma kinux imħarsa. Clyde Puli qal li mhux minnu li matul l-amministrazzjonijiet tal-PN ma sar xejn kif jixhdu l-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni u istituzzjonijiet oħra ta’ kontroll.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li gvernijiet immexxija mill-PN daħħlu l-kunċett ta’ djalogu. Il-Gvern preżenti mhux biss mhux qed iħaddem dan il-kunċett imma qed jingħalaq fih innifsu u l-kontroll jibqa’ ristrett għal ċirku żgħir.
Clyde Puli qal li l-Gvern ġie deskritt bħala wieħed li ħoloq oligarkija bil-flus jirbħu fuq il-prinċipji.
Mingħajr informazzjoni u trasparenza tonqos il-kritika li għandha tkun ibbażata propju fuq dawn iż-żewġ ingredjenti. Il-Gvern għadu jżomm mistura d-diversi kuntratti dwar bejgħ ta’ proprjetajiet tal-poplu. Id-demokrazija għandha bżonn informazzjoni mhux propaganda. Informazzjoni fattwali mhux double speak.
Clyde Puli qal li wasal iż-żmien li jsiru dikjarazzjoni ċari wkoll dwar laqgħat li jsiru qabel l-elezzjoni bħal laqgħat li saru ma’ Gaffarena, ma’ Mossack Fonseca u laqgħat oħra li wasslu għal ċerti għażliet wara l-elezzjoni.
Dawn huma passi meħtieġa biex il-poplu jikseb mill-ġdid il-fiduċja fil-politika u fil-politiċi. Għandhom ikunu stabbiliti regoli dwar dak li hu aċċettabbli u dak li mhux.
Clyde Puli qal li ma jifhimx kif partit jagħmel plejtu sħiħ fuq arloġġ tal-lira imbagħad jappoġġja u jiddefendi lil min jiftaħ kont sigriet fil-Panama.
L-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-abbozz għaliex hi liġi meħtieġa li d-demokrazija f’pajjiżna għandha bżonn.
//= $special ?>