Dalgħodu se tkun qed issir l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Inkjesta fi ħdan il-Parlament Ewropew illi twaqqaf apposta sabiex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u l-effetti tiegħu fuq il-pajjiżi Ewropej.
Kien il-Partit Popolari Ewropew illi fl-aħħar ġranet għamel pressjoni qawwija sabiex l-inkjesta dwar l-iskandlu tal-Panama tibda din il-ġimgħa, fejn dalgħodu se ssir l-ewwel laqgħa tal-Kumitat illi twaqqaf apposta. Il-laqgħa hija skedata li tibda fl-10am u se ssir fil-bini tal-Parlament Ewropew ġewwa Brussell.
Din mistennija tkun laqgħa qasira iżda importanti ħafna għal dan il-Kumitat. L-aktar minħabba l-fatt li se tiġi deċiża l-kompożizzjoni tiegħu.
Skont sorsi ta’ In-Nazzjon diġa’ kien hemm qbil informali illi l-President ta’ dan il-Kumitat għandu jkun il-Ġermaniż Werner Langen, illi ġej mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Langen se jkun elett uffiċjalment bħala President fis-seduta ta’ dalgħodu, fejn trid issir ukoll votazzjoni għall-Viċi Presidenti tal-Kumitat ta’ Inkjesta.
Kien fil-bidu ta’ Ġunju meta sar magħruf illi l-Parlament Ewropew waqqaf dan il-Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Panama Papers.
David Casa u Roberta Metsola intgħażlu biex ikunu parti minn dan l-Kumitat magħmul minn 65 membru.
Il-Kumitat se jinvestiga allegat ksur u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, dwar ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxi. Se jinvestiga wkoll nuqqasijiet li setgħu seħħew min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-pajjiżi membri.
L-iskandlu tal-Panama ħoloq terremot politiku f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Sa issa f’pajjiżna l-Pulizija għadhom m’għamlu l-ebda investigazzjoni uffiċjali dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tagħhom.
//= $special ?>