Internazzjonali

Verdett kontra ċ-Ċina fi kwistjoni dwar jedd fuq zona ta’ baħar

Tribunal internazzjonali f’The Hague (fl-Olanda) appoġġja każ imressaq mill-Filippini fejn iddeċieda kontra l-jeddijiet taċ-Ċina għal sovranità fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar.

Il-Qorti għall-Arbitraġġ Permanenti sostniet li ma jeżistux provi ‘li jsostnu, bħala fatt storiku’, li ċ-Ċina qatt eżerċitat kontroll esklussiv fuq dan il-baħar jew riżorsi taz-zona.

Iżda ċ-Ċina rriferiet għall-verdett bħala wieħed li ma jibbażax fuq fatti jew provi li wieħed jorbot fuqhom. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet f’Beijing mhumiex se jintrabtu b’dan il-verdett, meta ċ-Ċina qed tinsisti bid-dritt tas-sovranità fuq iz-zona sħiħa tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar. Iz-zona inkwistjoni tinkludi gżejjer li s-sovranità tagħhom qed tkun anki kkuntestata mill-ġirien taċ-Ċina.

It-tribunal f’The Hague qal li ċ-Ċina abbużat id-drittijiet sovrani tal-Filippini u li l-awtoritajiet f’Beijing wettqu ħsarat lis-sikka tal-qroll f’dik iz-zona permezz tal-bini ta’ gżejjer artifiċjali.