Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, in-numru ta’ turisti mir-Renju Unit li daħlu pajjiżna mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż is-612,000 li jfisser 28% tat-turisti kollha li waslu pajjiżna permezz ta’ ajruplan.
Dan jagħmel ir-Renju Unit l-akbar suq għal pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ turisti li jivjaġġaw lejn pajjiżna bl-ajru.
Dan ħareġ minn ċifri li ngħataw mill-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg meta ppreżenta ċifri dwar l-ewwel nofs ta’ din is-sena u l-previżjonijiet għax-xhur li ġejjin.
Meta kien qed jitkellem dwar l-effett tal-Brexit fuq Malta, Alan Borg qal li sa’ issa, fuq bażi short-term, ma kienx hemm effett fuq il-bookings. Madanakollu qal li l-effett tal-Brexit u l-instabbiltà politika tista’ taffettwa l-kunfidenza tan-negozji, li min-naħa tagħha tista’ taffettwa l-attitudni tal-konsumaturi.
Alan Borg żied li l-Brexit kellha effett fuq il-Lira Sterlina u dan ifisser li Malta saret 10% aktar għalja għat-turist Ingliż. Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv tenna li pajjiżna xorta jista’ jibbenefika minn tibdil fit-tip ta’ turisti li jiġu Malta, peress li jista’ jkun hemm turisti li jagħżlu lil Malta minflok pajjiżi oħra minħabba l-mod kif waqgħet il-Lira Sterlina.
//= $special ?>