Ambjent Lokali

L-Awtorita’ tal-Ippjanar tapprova żvilupp ta’ 5 sulari f’Ħal Lija

L-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat applikazzjoni għal żvilupp ta’ blokka ta’ ħames sulari appartamenti fil-qalba ta’ Ħal Lija, minkejja oġġezzjoni qawwija minn residenti tal-inħawi, mill-Kunsill Lokali u minn diversi għaqdiet ambjentali.

Is-smigħ kien karatterizzat minn oppożizzjoni qawwija għall-proġett mis-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi, minn Astrid Vella mill-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar u numru ta’ persuni oħra li kienu preżenti għas-smigħ biex joġġezzjonaw għall-proġett.

Il-każ kellu jkun deċiż fil-15 ta’ Ġunju li għadda, iżda kien differit għal-lum. L-għaqda Din l-Art Ħelwa u Flimkien Għal Ambjent Aħjar kienu fost l-għaqdiet ambjentali li oġġezzjonaw għall-iżvilupp.

It-tlett membri tal-bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kollha vvutaw favur l-applikazzjoni, li wassal lil dawk preżenti biex minnufih jirreaġixxu għad-deċiżjoni: “istħu jekk tafu kif”, saħqu dawk preżenti li komplew “irrovinajtu ż-żona”.

PA

Ritratt: Bħalissa fis-sala tas-smigħ tal-applikazzjonijiet fl-uffiċini tal-Awtorita’ tal-Ippjanar

L-applikazzjoni mill-bidunett qanqlet l-oġġezzjoni tar-residenti ta’ Ħal Lija, tal-Kunsill Lokali tal-lokalita’, kif ukoll ta’ numru ta’ NGOs ambjentali. Fost oħrajn ġiet preżentata petizzjoni lis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri kontra dan l-iżvilupp.

L-iżvilupp hu propost li jsir fi Triq Daniel Sammut, qrib it-Torri ta’ Belvedere. Id-deċiżjoni, li mistennija tittieħed illum, se tkun iffukkata dwar l-estetika, partikolarment minħabba l-fatt li l-iżvilupp propost se jkun jistona maż-żona tal-inħawi, li tinkludi biss villel li ma jaqbżux iż-żewġ sulari.

Minkejja l-oġġezzjoni qawwija mir-residenti u NGOs, il-case officer tal-applikazzjoni rrakkomanda li l-Awtorita’ tal-Ippjanar tapprova l-proġett. Madanakollu, is-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi qed tisħaq li l-għoli tal-bini, ħames sulari, se jeqred il-karattru taż-żona.

Lija

Ritratt: Dehra taż-żona mingħajr l-iżvilupp

lija 2

Ritratt: Dehra ta’ kif se tkun imblokkata l-veduta jekk l-iżvilupp ikun approvat