Lokali Qorti

FILMAT: Andrew Mangion iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Eleanor Mangion; jinżamm arrestat

Andrew Mangion ta ruħu b’idejh fil-5 ta’ Lulju, kien interrogat ilbieraħ u tressaq il-Qorti llum

F’awla mimlija membri tal-media u familjari, tressaq Andrew Mangion, is-suspettat ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker. Mangion inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti tard waranofsinhar akkużat bi qtil volontarju.

Il-ġisem mejjet tal-eks-mara ta’ Andrew Mangion kien instab ġo borża tal-plastik fi store li ma jintużax fi Triq l-Industrija f’Ħal Qormi fit-3 ta’ Lulju li għadda. Għal jumejn sħaħ, ir-raġel baqa’ maħrub qabel ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fil-5 ta’ Lulju.

Filmat: Andrew Mangion jitressaq il-Qorti

Mill-awtopsja rriżulta li Eleanor Mangion Walker inqatlet b’daqqiet f’rasha b’oġġett iebes. Skont rapporti fil-media, hi kienet trasportata minn garaxx fis-Swieqi għall-istore f’Ħal Qormi b’vann mill-akkużat. Allegatament, is-suspettat talab l-għajnuna ta’ qarib tiegħu biex jittrasporta l-ġisem tal-vittma, iżda dan irrifjuta u sussegwentament, irrapporta lill-Pulizija.

Fil-5 ta’ Lulju, Andrew Mangion ta ruħu b’idejh lill-Pulizija u nżamm fl-isptar Monte Karmeli minħabba l-kundizzjoni mentali tiegħu. Hu kien interrogat mill-Pulizija għall-ewwel darba ilbieraħ wara li nstab li l-kundizzjoni mentali tiegħu tjiebet.

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ir-raġel wieġeb mhux ħati li qatel lill-eks-mara tiegħu fit-2 ta’ Lulju li għadda. Id-difiża, magħmula mill-Avukat Joe Giglio, ma talbitx ħelsien proviżorju u għaldaqstant inżamm arrestat. Bħalissa, Andrew Mangion qed jinżamm fil-ħabs ta’ Kordin.

Andrew Mangion u Eleanor Mangion Walker kienu żżewġu fl-2009 u għandhom tifla ta’ 9 snin. Għalkemm kienet tgħix taħt l-istess saqaf mal-eks-raġel tagħha fis-Swieqi, il-vittma kienet tgħix ħajja separata. In-Nazzjon kien ippubblika kummenti tal-għarus ta’ Eleanor, Rikky Pace li ma dan il-ġurnal kien iddeskriva d-disprament tiegħu wara li sar jaf bl-aħbar tal-mewt tal-għarusa tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kylie Borg. L-avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jidhru parte civile għall-vittma.

Filmat: Andrew Mangion jinħareġ mill-Qorti biex jittieħed il-ħabs ta’ Kordin fejn se jibqa’ jinżamm sakemm ikompli l-każ

andrew-mangion

eleanor

Ritratt: Eleanor Mangion Walker, il-vittma, omm ta’ 33 sena