Lokali

FILMAT: “M’hemmx ċertezza” – Edward Zammit Lewis dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma li m’hemmx ċertezza dwar il-futur tal-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.

Il-Ministru responsabbli mill-Air Malta kien qed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet meta NETnews.com.mt staqsa dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta wara l-aħbar żvelata minn In-Nazzjon ilbieraħ, jiġifieri li kwalunkwe ftehim bejn il-Gvern u l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema mhux se jsir qabel jitressaq ‘business plan’ mill-Alitalia. Dan ifisser li l-deadline tal-Gvern li jagħlaq in-negozjati mal-Alitalia sal-aħħar ta’ Lulju mhux se jintlaħaq.

Fid-dawl ta’ dan, pressat bil-mistoqsijiet ma’ NETnews.com.mt, il-Ministru Zammit Lewis ikkonferma li f’dan l-istadju, “m’hemmx ċertezza” għall-ħaddiema tal-Air Malta.

“Mhux ovvja li m’hemmx ċertezza?” wieġeb Zammit Lewis meta kien pressat minn NETnews.com.mt biex jgħid jekk jistax iserraħ moħħ il-ħaddiema tal-Air Malta, “jekk qed ninnegozja u għad m’għandix ‘business plan’ nista’ ngħid li hemm ċertezza?”

Ara l-filmat bil-Ministru jagħmel din id-dikjarazzjoni hawn taħt

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Zammit Lewis qal li l-Gvern qed jistenna abbozz ta’ ‘business plan’ mingħand l-Alitalia. Il-Gvern kien iffirma ‘memorandum of understanding’ mal-Alitalia fl-aħħar ta’ April. Jekk il-Gvern jagħlaq in-negozjati mal-Alitalia, dan ikun ifisser li 49% tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija tinbiegħ lill-Alitalia – il-linja tal-ajru nazzjonali Taljana li bħalissa qed tagħmel telf ma’ kull ġurnata li tgħaddi.

Iżda sa’ issa għadhom ma bdewx in-negozjati mal-Alitalia peress li l-Gvern għadu qed jistenna abbozz ta’ ‘business plan’. “Issa jiġi l-abbozz u niddiskutuh mal-istakeholders, fosthom mal-Ajruport Internazzjoanli ta’ Malta, mal-ħaddiema u mal-pubbliku” qal il-Ministru Zammit Lewis, f’indikazzjoni li jista’ jkun li l-Gvern l-anqas biss jilħaq ftehim mal-Alitalia. “Imbgħad jew nimxu ‘l quddiem jew ngħidu “din m’hijiex tajba għall-linja tal-ajru tagħna”, kompla jgħid.

Mistoqsi dwar il-laqgħa li kellu mal-Union tal-Cabin Crew jumejn ilu, Zammit Lewis qal li din kienet “laqgħa kordjali” u “pożittiva”. Dan jikkuntrasta ma’ dak li sorsi qalu lil NETnews.com.mt, li l-laqgħa kienet xotta.

“Kienet laqgħa informali fejn tkellimna u fejn għidtilhom li fil-jiem li ġejjin se jkollna abbozz ta’ pjan bejn l-Airlines. Dan kien is-sens tad-diskussjoni” spjega l-Ministru.

Il-‘business plan’ mhuwiex l-aħħar fażi tad-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Alitalia. Wara jkunu jridu jsiru n-negozjati mal-Alitalia fid-dawl ta’ kull tip ta’ negozjati li jistgħu isiru bejn il-Gvern u l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Air Malta. Apparti minn hekk irid jintlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-unions dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Dan kollu jfisser li għalissa, l-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru se jibqgħu fil-limbu.