Lokali

Ikompli l-attakk tal-Gvern fuq anzjan ta’ 70 sena li qed jitlob rotta addattata

F’ittra uffiċjali bi dritt għar-risposta, il-Gvern reġa’ infexx f’attakk fuq l-anzjan ta’ 70 sena minn Ta’ Ġiorni li qed jitlob lil Gvern biex jikkunsidra rotta aktar addattata li tgħaqqad lil Ta’ Ġiorni ma’ Tas-Sliema. L-anzjan, qed jirrappreżenta wkoll 528 persuna li ffirmaw petizzjoni biex jitolbu l-istess rotta.

Wara li lbieraħ NETnews.com.mt ippubblika l-istorja bil-kummenti ta’ Lino Spiteri, l-anzjan li xpruna l-petizzjoni, il-Gvern għażel li jibgħat ittra uffiċjali lil NETnews.com.mt biex jitlob dritt għar-risposta.

Fl-ittra, il-Gvern reġa’ attakka lill-anzjan billi qal li “dan aġixxa b’mod irresponsabbli u minn xi daqqiet aggressiv, biex jipprova bil-metodi kollha possibbli jġiegħel lil Transport Malta tfassal rotta disinjata apposta għlih u għall-mara tiegħu. Huwa saħansitra uża kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ uffiċjal tal-customer care tal-Ministeru, gideb fil-konfront tagħhom fuq il-media soċjali u kien iċempel kuljum biex jagħtihom ultimatum biex isir dak li qed jgħid hu u saħansitra qalilhom li għandhom jirriżenjaw”.

Iżda lbieraħ stess, NETnews.com.mt ippubblika t-tweġiba mill-anzjan stess – fejn ċaħad kategorikament dak li qed jgħid il-Ministeru. Agħfas hawn biex tara x’kienet it-tweġiba tal-anzjan lill-Ministru Joe Mizzi.

Filwaqt li l-Ministeru ta’ Joe Mizzi qal li “jiddistakka ruħu minn kummenti bħal dawn”, fl-ittra bi dritt għar-risposta, il-Ministeru reġa’ iġġustifika t-tneħħija tar-rotta 110 minn Ta’ Ġiorni għal Tas-Sliema. B’konsegwenza tat-tneħħijja, ir-residenti qed ikollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linja – jew inkella jimxu mixja twila biex ikunu jistgħu jaqbdu karozza tal-linja waħda biss. Dan b’detriment għal ħafna li huma anzjani u li qed jispiċċaw imċaħħda minn aċċess lejn Tas-Sliema.

“Il-Gvern, fit-tfassil tan-network il-ġdid, ħa nota tat-talbiet li għamlu kemm il-Kunsill Lokali kif ukoll ir-residenti, fosthom dwar l-inħawi ta’ Ta’ Ġiorni” qal il-Gvern fir-risposta tiegħu, “dwar l-aċċess tar-residenti ta’ Ta’ Ġiorni lejn il-lokalità ta’ Tas-Sliema, li kienu jinqdew bir-rotta 110, dan l-istess aċċess għadu fuq l-istess rotta minn bus stop li jinsab madwar 500 metru miċ-ċentru ta’ Ta’ Ġiorni. Barra minn hekk biex wieħed imur Tas-Sliema, jista’ jirkeb ir-rotta 22 miċ-ċentru tal-istess lokalità li tgħaddi kull nofs siegħa”.

“M’hemmx rotta diretta għal Tas-Sliema”

Iżda f’kuntatt li sar mal-customer care tal-Malta Public Transport, uffiċjal tal-customer care qaltilna li “there is no direct route għal Tas-Sliema”. Ir-rotta li kkwota l-Ministeru fit-tweġiba tiegħu – jiġifieri r-rotta 22 tgħaddi biss mis-Savoy f’Rue D’Argens – jiġifieri ferm ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Tas-Sliema.

L-uffiċjal tal-customer care ikkonfermat li biex wieħed jasal Tas-Sliema irid jaqbad żewġ karozzi tal-linja. Filfatt, hawnekk qed nippubblikaw ir-rotta 22 li tinsab disponibbli fuq is-sit tal-Malta Public Transport. Jidher ċar li r-rotta tieqaf fuq barra biss ta’ Tas-Sliema u ma tidħolx fiċ-ċentru fejn ħafna nies ikollhom bżonn jaslu biex jagħmlu l-qadi tagħhom.

rotta 22

Il-Ministeru jerġa’ jinjora 528 persuna li ffirmaw petizzjoni

Filwaqt li fid-dritt għar-risposta l-Gvern jiftaħar li “sema lir-residenti”, fl-istess ittra, il-Ministeru ta’ Joe Mizzi injora kompletament il-fatt li hemm 528 persuna li qed jiffirmaw petizzjoni biex jilmentaw dwar it-tneħħija tar-rotta 110 minn Ta’ Ġiorni għal Tas-Sliema. Dwar din il-petizzjoni u dwar dawn il-mijiet ta’ persuni li qed jilmentaw, ma ssir l-ebda referenza.

L-attakk tal-Ministeru ta’ Joe Mizzi fuq l-anzjan ta’ 70 sena beda fl-aħħar jiem, meta l-Ministeru bagħat risposti għal mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt dwar it-tneħħija tar-rotta 110. Agħfas hawn biex taqra l-istorja oriġinali.