BLOGS

Il-Mara Fid-Dinja Politika

Id-Diksussjoni dwar il-Mara
Il-funzjoni ta’ kull parlament hija li jaqdi l-għanijiet leġislattivi tiegħu skont ir-rieda ta’ poplu. Il-kelma ‘leġislatura’ hija derivata minn żewġ kelmiet Latini: ‘legis’ u ‘latum’ li jkopru t-tifsira ta’ ‘liġi mfassla’, li titfassal abbażi tal-ħteġijiet popolari.

Minkejja li fil-maġġoranza ta’ diversi sistemi parlamentari fil-kważi 200 pajjiż rikonoxxut fid-dinja qed jaqdu l-funzjoni ewlenija, dik li jfasslu l-liġijiet, kull parlament għandu funzjoni li hija possibbilment bil-wisq aktar importanti minn kull liġi proposta, emendata u mfassla: dik li jservi ta’ rappreżentant ta’ poplu, li fil-maġġoranza jkun eleġih u tah mandat jilleġisla f’ismu skont il-kostituzzjoni. Għalhekk huwa suġġett diskutibbli tassew il-fatt li fil-maġġoranza tal-Parlamenti madwar id-dinja teżisti inugwaljanza ċara.

Huwa għalhekk meħtieġ li jkun hemm dibattiti dwar kif tista’ tissaħħaħ l-ugwaljanza u s-sehem tal-mara fil-politika. Għalhekk, nilqa’ b’sodisafzzjon il-konferenza mtellgħa mill-MNPN u l-produzzjoni tal-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’ (NET televixin) is-Sibt li għadda biex appuntu jiġi diskuss dan it-topik.

Ir-Realtajiet tal-Istatistika
L-istatistika dwar sehem il-mara fid-dinja politika hija aktarx inkwetanti mhux biss għal Malta imma wkoll għal diversi pajjiżi ewlenin fl-Ewropa. Sa Awwissu tal-2015, 22% biss tal-Parlamentari Internazzjonali kienu nisa, rata li żdiedet bil-qajl mill-11.3% fl-1995. Sa Jannar tal-istess sena, kienu biss 17% n-nisa jaqdu funzjonijiet Ministerjali. Sal-istess perjodu ta’ Awwissu, 11-il mara kienet isservi bħala Kap ta’ Stat waqt li 10 nisa bħala Kap ta’ Gvern. F’37 pajjiż fid-dinja l-mara tammonta għal inqas minn 10% tal-membri eletti fil-parlamenti (il-kamra ta’ isfel u l-kamra ta’ fuq – Malta għandha biss kamra parlamentari waħda), li jinkludi wkoll pajjiżi bħal Vanuatu, il-Qatar u l-Jemen (minn fost 6) li għandhom 0% ta’ nisa jservu fil-kmamar tar-rappreżentanti, bil-Haiti l-uniku pajjiż fid-dinja li għandu żewġ kmamar rappreżentattivi li fl-ebda minnhom ma hemm ir-rappreżentazzjoni femminili.

Malta għandha 12.9% tal-membri parlamentari nisa u tikklassifika fil-137 minn 193 pajjiż, persentaġġ baxx ħafna meta kkomparat mal-ewwel pajjiż, skont il-klassifikazzjoni dinjija, l-Irwanda li għandu 63.8% ta’ nisa jokkupaw siġġu parlamentari fil-kamra ewlenija minn tnejn li jiffurmaw il-parlament tal-pajjiż. Il-Ġermanja, pajjiż rikonoxxut għall-progress politiku jikklassifika fis-26 post waqt li r-Renju Unit fit-48 post b’persentaġġi ta’ 36.5% u 29.4% rispettivament.

Il-‘Global Gender Gap’
Skont il-‘Global Gender Gap’ (tal-2015) li anke għamel referenza għalih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-diskors tiegħu waqt il-Konferneza tas-Sibt li għadda, l-Iżlanda tikklassifika l-ewwel, segwita min-Norveġja, il-Fillandja u l-Iżvezja, pajjiżi li lkoll għandhom karatteristiċi Nordiċi li donnhom jiġġustifikaw l-aġir tagħhom fejn jidħol l-involviment soċjopolitiku tal-mara. Sfortunatament, Malta taqa’ lura tassew u tinsab fil-104 post wara li waqgħet lura b’20 post mir-rapport preċedenti.

Fid-diskors tiegħu għalhekk, Simon Busuttil enfasizza kif l-Iżlanda ma għandhiex biss tkun ix-xempju ta’ pajjiżna fir-rigward tal-progress li għamlu fil-logħba tal-ballun, imma lil hinn minn hekk.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza Messaġġ
Fix-xenarju politiku lokali l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jasserixxi lilu nnifsu bħala partit li jrid jikkontribwixxi sabiex Malta tibda tikseb rikonoxximenti ugwali aktar rispettabbli u li jagħmlulna ġieh bħala pajjiż Ewropew. Hija inkwetanti li mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, l-Ungerija biss għandha sehem anqas minn Malta fir-rappreżentanza Parlamentari (10.1% kontra 12.9%).

Huwa għalhekk nifs politiku ġdid li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil qiegħed iħares ‘il quddiem biex jegħleb qagħda li ma tixraqx lill-mara fis-soċjetà Maltija. Ta’ min jinnota li l-Partit Nazzjonalista għandu fil-qalba tat-tmexxija numru konsiderevoli ta’ nisa: is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, il-President tal-Partit Anne Fenech, il-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonniċi (li hija wkoll membru parlamentari) kif ukoll ix-‘Shadow Cabinet’ li fih 50% nisa li minnhom hemm żewġ MPE (minn total ta’ 3 f’isem il-PN). Aktar minn hekk, wara bdil fl-Istatut tal-Partit, l-Eżekuttiv tal-Partit għandu rappreżentanza akbar minn qatt qabel ta’ nisa.

Din hija bla dubju l-politika u l-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista li huwa mistenni minnu, bħal dejjem, li jkun innovattiv fit-tifsil tad-demokrazija. Jekk fis-snin imgħoddija kien il-Partit Nazzjonalista li eżerċita l-ogħla standards politiċi, issa huwa mistenni minnu wkoll li jagħmel il-pass li jmiss u jnissel jekk xejn, kuxjenza tal-importanza li pajjiżna għandu jkollu aktar nisa parteċipi fix-xenarju soċjopolitiku.

Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fuq il-ġurnal in-Nazzjon tal-Erbgħa 13 ta’ Lulju 2016.