Lokali

Kevin Vella se jibqa’ mfakkar għall-kuraġġ u l-indipendenza minkejja l-kumplikazzjonijiet fis-saħħa

Kevin Vella, fl-eta’ ta’ 38 sena, miet wara li kien ilu jiem rikoverat fl-Isptar Mater Dei fit-taqsima tal-kura intensiva (ITU).

Kevin se jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu matul ħajtu kollha sabiex iqajjem għarfien dwar il-kundizzjoni tal-muscular dystrophy, fejn waqqaf il-Muscular Dystrophy Group. Din il-kundizzjoni ddgħajjef is-saħħa tas-sistema musculoskeletali u ttellef mill-movimenti tal-persuna, partikolarment mill-mixi. Hu kien il-jbagħti minn din il-kundizzjoni mill-eta’ ta’ sena.

kevin vella

Hu kien ilu miżżewweġ lil Rita Vella Borg għall-għaxar snin, fejn martu wkoll issofri minn din il-kundizzjoni ta’ muscular dystrophy. Minkejja li bħala miżżewġin huma kellhom il-kumplikazzjoni fis-saħħa tagħhom, huma xorta waħda għexu ħajja indipendenti fid-dar tagħhom fil-Mosta.

F’Diċembru 2012 hu u martu ngħataw National Order of Merit għall-ħidma tagħhom favur id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilta’.

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja d-Deputat Robert Cutajar f’isem l-Oppożizjoni sellem il-memorja ta’ Kevin Vella li kien għadu kif miet ftit tal-minuti qabel bdiet l-istess laqgħa.

Kienu diversi l-okkażjonijiet fil-bini tal-parlament li Kevin flimkien ma’ martu Rita taw kontribut f’diversi laqgħat li trattaw il-qasam tad-diżabilita. Kevin kien eżempju ħaj ta persuna li ħadem qatiegħ għal dan il qasam.

Il-kap tal-PN Simon Busuttil bagħat ukoll il-kondoljanzi tiegħu lill-mara ta’ Kevin preċiżament qabel bdiet is-seduta Parlamentari fejn ukoll wassal il-kondoljanzi f’isem il-PN għat-telfa ta’ żewġha.