Il-Parlament approva bi 30 vot favur u 29 vot kontra l-abbozz ta’ liġi dwar it-twaqqif tal-awtorità tal-artijiet.
Il-Parlament aġġorna għal nhar it-Tnejn fl-4.30 p.m.
L-iskandli li saru taħt Gvern Laburista fl-aħħar tliet snin, fosthom dawk tal-Cafe Premier u ta’ Gaffarena, qatt ma saru bħalhom qabel u l-liġi li qed jipproponi l-Gvern ma toffrix il-garanziji neċessarji biex dawn l-iskandli ma jerġgħux isiru. L-Oppożizzjoni didikjara nuqqas ta’ qbil ma’ abbozz jekk ma jkunx hemm emendi xierqa importanti għalih, emendi li tassew iħarsu l-artijiet.
Fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li d-Deputat Laburista Silvion Schembri akkuża lill-Partit Nazzjonalista li mill-Oppożizzjoni qed iwiegħed affarijiet li ċertament li jekk ikun fil-Gvern se jagħmel kontra.
Meta jsiru dikjarazzjonijiet bħal dawn juri li l-kelliema min-naħa tal-Gvern qed jgħixu f’illużjoni u jridu li kulħadd jemmen dik l-illużjoni. Silvio Schembri irid li l-poplu jinsa li l-PL tela’ fil-Gvern bil-għajta tal-meritokrazija u tat-trasparenza u qe jagħmel kollox bil-maqlub.
Francis Żammit Dimech qal li biżżejjed wieħed iħares lejn il-każ Gaffarena u jinduna li dan hu każ li ta’ skandlu fuq skandlu fuq skandlu. Dan wera biċ-ċar li dak li sar sar ħżin mhux għaliex is-sistemi li kien hemm kienu ħżiena imma għaliex kien hemm min ikkorrompa s-sistemi li kien hemm biex jaġevola lil xi ħadd tal-qalba.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li hu qatt ma sema’ b’każi fid-Dipartiment tal-Artijiet fejn xi ħadd jixtri biċċa proprjetà u jmur jiġri għand il-Gvern biex ipartatha u l-Gvern jikkumpensa bi proprjetà ta’ valur ferm akbar minn dak li jkun se jakkwista.
Francis Zammit Dimech qal li hi gidba li jingħad li dan l-abbozz se jkun qed ineħħi l-poter minn idejn il-politiku. Minflok se jmur għand il-persuni u l-għaqdiet professjonali fis-suġġett biex jindikaw il-persuni li għandhom ikunu fil-Bord tal-Gvernaturi, il-Gvern qed iżomm id-dritt li jagħżel u jiddeċiedi hu lil min jaħtar.
Barra minn dan, il-Ministru u l-Prim Ministru se jżommu d-dritt li jagħtu l-ordnijiet u d-direttivi. L-awtorità se jkollha l-obbligu li tagħti kull informazzjoni fuq kull art u proprjetà. Iżda l-akbar skandlu fl-abbozz, kompla Francis Zammit Dimech, hu li l-Prim Ministru qed jieħu f’idejh id-dritt li jgħaddi f’idejn il-Ministru kull poter li se tkun qed tingħata l-Awtorità jekk ma tkunx obduta xi ordni mogħtija mill-Gvern.
Francis Zammit Dimech qal li d-dikjarazzjoni li dan l-abbozz se jneħħi l-poter minn idejn il-Gvern hi l-akbar insult li jista’ jsir. Proposti bħal dawn jindikaw li l-ħsieb tal-Gvern hu li jaħbi l-iskandli kollha li saru fl-aħħar snin.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tidħol kompliċi ma’ dawn l-affarijiet. Il-Gvern għandu jirrevedi din il-liġi, joħloq strutturi verament indipendenti u jirrispetta d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu minn korp imwaqqaf u ffurmat minn persuni verament indipendenti.
Intant id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li jrid jirreferi għall-kwistjonijiet li l-bdiewa u r-raħħala għandhom u se jkollhom mad-Dipartiment tal-Aritjiet li issa se jsir Awtorità.
Kemm dipartiment jew awtorità jitmexxa b’mod trasparenti jiddependi mill-Gvern tal-ġurnata, ikun min ikun. Tonio Bezzina qal li kien il-Gvern preżenti li ħoloq pressjoni fuq dan id-Dipartiment. Eżempju ta’ dan hu l-każ tal-Kafe’ Premier fejn bl-approvazzjoni tal-Gvern ħallas 4.2 miljun ewro fuq proprjetà li diġà kienet tiegħu filwaqt li waqqaf kawża fil-Qorti li kellu ċans kbir li jirbaħ.
Każ ieħor ta’ pressjoni kien dak tal-Australia Hall fejn il-Prim Ministru ċeda kawża kontra l-Kap Laburista (Joseph Muscat vs Joseph Muscat) biex il-PL kiseb proprjetà li tiswa 10 miljun ewro.
Imabagħad hemm il-każ tal-proprjetà fi Triq Zekka li hu każ ieħor li minkejja dak kollu li jgħidu r-regoli u l-liġijiet, hu l-Gvern tal-ġurnata li jista’ jikkonferma jew le tmexxija trasparenti u b’governanza tajba.
Toni Bezzina qal li l-bdiewa għadhom isibu problemi burokratiċi bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u d-Dipartiment tal-Agrikultura biex jieħdu dak li ħaqqhom. Id-diffikultajiet li qed ikun hemm fit-trasferiment ta’ art, qed iwassal biex bdiewa jirtiraw minn dan il-mistier u jiskoraġixxu bdiewa żgħażagħ milli jaqbdu din il-linja.
Toni Bezzina appella biex ikun hemm kollaborazzjoni ħalli l-awtorità mwaqqfa tkun waħda li twassal li tkun ta’ servizz u mhux disservizz.
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li dan l-abbozz għandu l-ħsieb li jara li r-riżors tal-art ikun amministrat bl-aħjar mod.
Ċensu Galea qal li f’dawn l-aħħar snin kien hemm sitwazzjonijiet fejn persuni f’karigi għolja fid-Dipartiment tal-Artijiet għażlu li jwarrbu mill-kariga li kienu jokkupaw. Anke jekk bħala raġuni taw, raġunijiet personali, wieħed jista’ jimmaġina biss ir-raġuni vera x’kienet.
Ċensu Galea qal li l-abbozz jipprova jagħti wkoll perspettiva differenti minn dik li ta l-Partit Laburista rigward dak li hu użu tal-art tal-Gvern. Il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-art tal-Gvern għandha tkun is-sors ta’ negozju.
Illum, kelliema tal-Gvern qed jipproponu li art tal-Gvern tkun inkluża fi skemi biex tkun negozjata kontra l-kritika li l-PL kien jagħmel meta kien fl-Oppożizzjoni.
Ċensu Galea qal li jaqbel li hu diffiċli li jsiru valutazzjonijiet tal-proprjetajiet għaliex dan hu eżerċizzju suġġettiv. Imma anke jekk jista’ jkun hemm differenzi, qatt ma jista’ jkun li bejn valutazzjoni u oħra ikun hemm differenzi kbar u art li wieħed jagħtiha valur ta’ eluf, xi ħadd ieħor jevalwaha bil-miljuni.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li jekk il-Parlament irid li dak li sar ħażin ma jkunx ripetut, għandu jkun hemm diskussjoni mingħajr ħafna battibekki esaġerati li jwasslu biss biex iwasslu messaġġ li jkun il bogħod mill-verità.
Ċensu Galea qal li minflok isiru l-affarijiet bil-għaġġla, hu importanti li kollox isir b’attenzjoni, u jittieħed iż-żmien li hemm bżonn, għaliex ċerti affarijiet li hemm fl-abbozz ikunu qed jitfgħu il-proċess lura minflok ‘il quddiem. Dak li għandu jsir għandu jsir tajjeb mill-ewwel.
Jekk l-għażla tal-membri tal-Bord propost fl-abbozz se tkun responsabbiltà tal-Ministru jew tal-Prim Ministru, allura se jkun hemm dubji serji dwar il-vera indipendenza ta’ dan il-Bord.
Ċensu Galea qal li hu importanti li jkun iċċarat dak li qed jipproponi l-abbozz rigward il-Kap Eżekuttiv u ċ-ċirkostanzi fejn dan ma jkunx jista’ jaqdi d-doveri tiegħu.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li b’mod kollettiv il-ħaddiema fid-Dipartiment tal-Artijiet jaħdmu ħafna imma ċert li f’dawn l-aħħar snin ma jħossuhomx komdi b’dak li sar fid-Dipartiment.
Ċensu Galea qal li l-Oppożizzjoni ddikjarat li mhix tivvota favur dan l-abbozz. Dan qed tagħmlu mhux għaliex ma tridx li jkun hemm mod organizzat kif isiru l-affarijiet imma għaliex trid tara li l-affarijiet isiru sew. Hu importanti li abbozz bħal dan ikun jista’ jaħdem u jħaddem ukoll bl-aħjar mod l-artijiet tal-Gvern.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li minkejja li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota kontra, bil-maġġoranza li għandu l-Gvern, l-abbozz se jgħaddi mill-istadju tat-Tieni Qari. Hu awgura li fl-istadju ta’ Kumitat ikun hemm diskussjoni raġunata u t-tibdil li jagħmel dan l-abbozz wieħed li jaħdem bl-aħjar mod isir bi qbil bejn iż-żewġ naħat.
Minkejja l-ispjegazzjonijiet li ngħataw mill-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar nuqqasijiet fl-abbozz, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li dan l-abbozz se jkun qed jagħti awtonomija u jżomm ‘il bogħod lill-politiku mill-amministrazzjoni tal-artijiet tal-Gvern.
Hi attakkat lill-Oppożizzjoni li trid twaqqaf dan l-abbozz biex tħalli kollox kif inhu u tenniet l-attakk tagħha fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li jrid imexxi Oppożizzjoni li tara kollox negattiv.
Deborah Schembri qalet li apparti l-Membru Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni u min-naħa tal-Gvern, mhux se jkun hemm Membri Parlamentari oħra fil-Bord. Qalet ukoll li qed tingħata importanza lid-direttorat tal-awditur biex ikun hemm sorveljanza imħarsa bil-liġi. Hi sostniet ir-raġunijiet għaliex ċerti suġġerimenti mhux se jkunu milqugħa filwaqt li qablet li suġġerimenti oħra jista’ jkun hemm qbil dwarhom.
//= $special ?>