Lokali

Liġi li ma toffrix protezzjoni mill-iskandli li saru fid-Dipartiment tal-Artijiet

L-iskandli li saru taħt Gvern Laburista fl-aħħar tliet snin, fosthom dawk tal-Cafe Premier u ta’ Gaffarena, qatt ma saru bħalhom qabel u l-liġi li qed jipproponi l-Gvern ma toffrix il-garanziji neċessarji biex dawn l-iskandli ma jerġgħux isiru.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dan hu gvern li fid-Dipartiment tal-Artijiet wettaq skandli li qatt ma saru qabel. Dan hu gvern li għamel oxxenitajiet kbar fid-Dipartiment tal-Artijiet, sotna Ryan Callus, li kompla li Deborah Schembri għandha turi rispett u diċenza wara li l-gvern Laburista wettaq oxxenitajiet u skandli bħal fil-każi ta’ Gaffarena u tal-Cafe Premier.

Hu wieġeb dwar il-każ tal-Fekurna u qal li l-PN kellu wegħda elettorali li jesproprja artijiet ta’ veduti pubbliċi biex jitgawdew mill-pubbliku u mhux mill-ftit. Twaqqaf kumitat biex titwettaq din il-wegħda elettorali; liema kumitat kien kompost minn persuni mhux politiċi. Kienu identifikati ħames siti mill-kumitat ta’ esperti u bdew in-negozjati mas-sidien tas-siti iżda kien biss fil-każ tal-Fekruna li kien hemm għeluq tan-negozjati. Meta saru l-evalwazzjonijiet kien hemm ħames esperti li għamluhom, wieħed minnhom ex kandidat tal-PL. Iċ-Chairman tal-Bord kien it-tifel tal-ex deputat Laburista Reno Calleja. Qabel l-elezzjoni beda jitwaqqa’ l-bini fil-Fekurna u x-xogħol tkompla minn dan l-Gvern. Il-Ministru Joe Mizzi xahrejn ilu ħareġ stqarrija u ftaħar bl-ispazju pubbliku jiftaħar dwar il-promeande ġdid li sar fil-Fekruna, x-Xemxija. Kien hemm skop pubbliku ċar għal dan il-proġett u kien il-gvern Laburista li issa qed jiftaħar propju bl-istess proġett li tant jikkritika. In-negozjati dwar il-Fekurna damu s-snin mhux bħal ta’ Gaffarena.

Dwar il-garaxx ta’ Santa Luċija, Ryan Callus qal li t-titlu ta’ encroachment m’għandux saħħa legali kbira. F’dan il-każ applikaw erba’ persuni, kollha minn Sta Luċija u mill-istess blokka.

Ryan Callus qal li fi tliet snin l-Gvern Laburista kellu tliet ministri iżda l-ebda minnhom ma kellu l-kurraġġ li jittermina dan l-encroachment.

Hu kkritika l-indħil politiku li fl-aħħar tliet snin għamel il-gvern fid-Dipartiment tal-Artijiet u Gvern Nazzjonalista qatt m’għamel l-iskandli li għamel kif il-Gvern Laburista għamel fil-każi ta’ Gaffarena u tal-Cafe Premier. It-tgħaffiġ li sar twettaq minn dan il-Gvern Laburista, sostna Ryan Callus, li kompla li Deborah Schembri ma kellhiex il-kurraġġ titratta l-iskandli li wettaq il-gvern tagħha.

Ryan callus fakkar kif il-Prim Ministru żamm taħt idejh id-Dipartiment tal-Artijiet. Dan ukoll hu preċedent li qatt ma sar fl-istorja. Issa qed ikun ċar għaliex il-Prim Ministru ħa din id-deċiżjoni. Hu semma d-diversi każi li seħħu fosthom l-Australia Hall, il-Cafe Premier u l-każ Gaffarena. Erba’ xhur wara l-iskandlu ta’ Gaffarena, il-pulizija tibqa’ siekta. Hu propju għalhekk li l-pajjiż għandu bżonn awtoritajiet u pulizija indipendenti. Inutli li tinħoloq awtorità li tkun f’idejn il-politiku, sostna Ryan Callus, li kompla li hi gidba meta intqal li Gvern Nazzjonalista ħareġ 100 encroachment order meta fil-fatt inħarġu biss 11. Jirriżulta li minnhom huma maħżen għall-baned, art għall-Enemalta u art għall-NGOs.

Fil-każ ta’ Gaffarena, Michael Falzon refa’ r-responsabbilta iżda l-Prim Ministru ma refax ir-responsabbiltà fil-każ tal-Cafe  Premier meta kien hu li fuq l-email tiegħu atworizza dan id-deal. Id-deputat Nazzjonalista kompla li fil-Kunsill Eżekuttiv tal-MEPA tpoġġew nies ta’ twemmin Laburista. Il-PN mhux se jkun kompliċi f’awtorità biex il-Gvrn juri li tgħallem mill-iskandli meta fil-fatt il-Gvern ma tgħallem xejn.

Ryan Callus qal li l-PN qed jipproponi li d-deputati ma jkunx parti mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-mod kif il-Bord se jkun nominat mill-Gvern fil-fatt se jkun pass lura.  Il-PN jemmen ukoll li m’għandux ikun hemm rappreżentanti politċi fil-Bord tal-Gvernaturi. Fl-abbozz tal-liġi m’hemmx speċifikat li Deputat ma jistax jinħatar Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi. Il-fatti huma li dan il-gvern ħatar numru kbir ta’ deputati bħala presidenti ta’ awtoritajiet u bordijiet. L-Awtorità tal-Artijiet mhix qed tktun indipendenti u għalhekk il-PN ma jistax jappoġġjaha. Il-PN irid isaħħaħ iktar il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità u qed jipproponi li jkunu l-kmamar professjonali. Dan hu tajjeb għas-sussidjarjetà u qed jagħti poteri ġodda lill-kmamar professjonali fosthom l-avukati, il-periti u l-awdituri nominati fuq il-Bord. Iċ-Chairman tal-Bord għandu jidher quddiem kumitat parlamentari fejn isir skrutinju, sostna Ryan Callus.

Hu tkellem dwar  il-liġi li qed iressaq il-Gvern u qal li l-Oppożizzjoni m’għandux ikollha l-abbozz lejliet id-diskussjoni. L-Oppożizzjoni qed tagħti l-opinjoni tagħha propju fil-parlament fejn qed tressaq il-proposti tagħha.

Dwar l-indipendenza tal-awditur, Ryan Callus qal li dan hu pass tajjeb iżda jeżisti nuqqas fil-Kap Eżekuttiv tal-Verifika għaliex dan m’għandu qatt jitpoġġa f’pożizzjoni li jirraporta lill-Kap Eżekuttiv u lill-Bord tal-Gvernaturi. Dan se jwassal għal nuqqas ta’ indipendenza għaliex id-deċiżjonijiet se jittieħdu mill-Kap Eżekuttiv u mill-Bord tal-Gvernaturi; propju l-persuni li se jaħtru lill-Kap Eżekuttiv tal-Verifika. Jirriżulta li d-deċiżjonijiet fil-verità ma jittieħdux mill-ħaddiem iżda mit-tmexxija għolja u għalhekk m’għandhiex tkun it-tmexxija li taħtar lill-Kap Eżekuttiv tal-verifika. Dan għandu jaqa’ taħt l-Awditur Ġenerali u jkollu l-poteri neċessarji kollha biex jinvestiga.

Dwar id-diġitilizazzjoni tad-dokumenti, Ryan Callus qal li Gvern Nazzjonalista kien beda dan il-proċess u sostna l-Gvern Laburista għandu nuqqas ta’ rieda politika biex itemm dan il-proċess. Il-PN qed jipproponi li l-Gvern ikun obbligat bil-liġi li d-dokumenti kollha tad-Diaprtiment ikunu diġitalizzati.
Aspett ieħor hu jekk hux se jkun hemm ‘King tal-Lands’ ieħor, sostna Ryan Callus. Hu sostna li kif inhi l-liġi bħalissa tqajjem suspetti kbar.

Dwar is-sejħa pubblika għall-Kap Eżekuttiv, Ryan Callus qal li dan il-Kap Eżekuttiv m’għandux ikun l-istess bħal dak li sar fil-MEPA li kienet sejħa pubblika taparsi. L-istess sar fil-każ tal-Awtorità tar-Riżorsi. Il-proċess għandu jkun trsaprenti, sostna Ryan Callus, li kompla li liġi ma tagħtix salvagwardji dwar l-indipendenza tal-Awtorità.

Ryan Callus qal li l-Awtorità kif proposta mhix aċċettabbli għall-Oppożizzjoni għaliex l-Oppożizzjoni mhix lesta li tkun involuta f’awtorità li tkun komposta b’mod li twassal għall-korruzzjoni li seħħet dan il-Gvern. L-Oppożizzjoni mhix kontra l-ħolqien ta’ Awtorità iżda din għandha tkun Awtorità bla indħil politiku.