Lokali

“M’għandniex nikinsu l-problema tal-vjolenza domestika taħt it-tapit” – Simon Busuttil

“Is-sehem tan-nisa, irid ikun ċentrali, u jekk aħna, is-soċjetà tagħna, irridu tassew naslu għall-ugwaljanza, min qiegħed imexxi u min qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet, irid l-ewwel imexxi bl-eżempju. Jiena jidhirli li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel propju dak.” – kien dan il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza bit-tema ‘Il-Partecipazzjoni tal-Mara fil-Politika”.

Simon Busuttil stqarr: “Jien naħseb li ftit għandi x’nispjega kif naħsibha fuq dan is-suġġett, għaliex ma striħajtx biss fuq il-kliem, imma striħajt ukoll fuq l-azzjoni tiegħi. Jien għalija hija xi ħaġa mill-aktar naturali, li s-sehem tan-nisa irid ikun ugwali mas-sehem tal-irġiel”.

Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tan-nisa fid-dinja tal-llum, u kif il-Gvern Malti jrid jippromovi soċjeta’ inklussiva, li fiha ikollna ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ikkumenta kif sfortunatament mill-2013 l’hawn, Malta nizlet mit-84 post għall-104 fl-indiċi tal-Global Gender Gap dwar l-ugwaljanza tan-nisa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla billi qal: “Flok sejrin ‘il quddiem, skont dan l-indiċi, sejrin lura. U sejrin lura bi kbir. Waqajna 20 post mill-2013, fejn ħallietna l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. U dan il-104 minn 140 total. Jiġifieri il-pożizzjoni ta’ Malta mhix sejra ‘l-quddiem, u għandha tmur il-quddiem”.

Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil tkellem dwar il-problema tal-vjolenza domestika, u kif dan l-abbuż soċjalimgħandu jinqata darba għal dejjem. Hu stqarr li hemm nisa’ hemm barra li jinsabu fis-silenzju dwar dak li għaddejjin minnu – “Hemm sitwazzjoni soċjali oħra li ftit nitkellmu fuqha imma li teżisti u li tolqot in-nisa b’mod partikolari. Il-problema tal-vjolenza domestika, li kulħadd jaf li għadha fostna, għadha fostna bil-kbir, u qisu kulħadd jiknisha taħt it-tapit. Mentri m’għandniex nagħmlu hekk.

“Għandna noħorġuha fil-beraħ, u għandna nagħtu lin-nisa f’dawn il-pożizzjonijiet l-għodda ta’ vera li jiġġieldu dawn is-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja kbira. Għaliex liem hi l-iktar sitwazzjoni inġusta, jekk mhux li jkollok mara fis-silenzju, imsakkra f’darha u qegħda tissubixxi vjolenza kontinwa”, stqarr Simon Busuttil.

Simon Busuttil temm jgħid li rigward il-proposti li saru fil-Parlament s’issa mill-Partit Nazzjonalista, hu stqarr li wasal iż-żmien li nidħlu iktar fil-fond tas-suġġett tal-ugwaljanza tan-nisa, hekk kif sa issa, kull m’għamilna hu biss li missejna l-wiċċ għaliex dik tista’ twassalna lejn l-ugwaljanza vera.