Il-Qorti llum sabet lil Sharon Camilleri mhux ħatja li kellha fil-pussess tagħha ammont sostanzjali ta’ flus li inksibu minn attivita’ kriminali, minkejja li hi kellha relazzjoni ma’ persuna ta’ dell ikrah fuqu. Il-Qorti ma sabet l-ebda ċertezza – iżda stqarret li l-Qorti għandha dubji serji minfejn ġew dawn l-eluf ta’ flus. Fis-sentenza, l-Qorti qalet li mhix konvinta li l-flus kontanti ġew provduti mill-irġiel li kellha relazzjoni magħhom l-imputata Sharon Camilleri.
Fil-każ imsemmi, il-Pulizija kienet qegħda tinvestiga l-qtil ta’ Kevin Gatt li seħħ f’Marsascala, f’Marzu tal-2012. Dan l-omiċidju allegatament sar minn Giuseppe Cutajar, li llum hu mejjet. Giuseppe Cutajar kien magħruf mal-Pulizija b’reati marbutin ma’ serq u hold-ups, iżda dak iż-żmien il-Pulizija qatt ma rnexxielha tressqu l-Qorti b’dawn l-akkużi.
L-istess akkużat tal-qtil, li llum hu mejjet, kellu żewġt itfal, tifla ta’ sentejn u oħra ta’ erba’ xhur dak iż-żmien, minn relazzjoni li kellu ma’ Sharon Camilleri, apparti tfal oħra minn relazzjoni oħra u żwieġ preċedenti.
Fl-investigazzjoni, l-Pulizija sabet li Giuseppe Cutajar kien jagħmel użu minn safety deposit box mal-Bank of Valletta, u li din l-istess kaxxa kienet tinsab f’isem Sharon Camilleri. Skont provi miġjuba quddiem il-Qorti, ħamest ijiem wara l-omiċidju, l-istess Sharon Camilleri marret fil-fergħa tal-BOV ta’ Marsascala u fetħet din is-safety deposit box. Hi u ħierġa mill-istess bank talbet lil kaxxier sabiex jgħodd is-somma ta’ flus kontanti li tammonta għall-€13,500. Minħabba f’hekk il-Pulizija kienet ħasset il-ħtieġa li tindaga fl-każ.
Il-Qorti ffriżat it-3 kontijiet ta’ Giuseppe Cutajar mal-BOV, u iż-2 kontijiet ta’ Sharon Cutajar flimkien ma’ 2 safety dopsits boxes mal-istess bank, it-3 kontijiet bankarji mal-HSBC ta’ Giuseppe Cutajar u l-kont ta’ Sharon Camilleri mal-HSBC ukoll, u l-ifriżar tas-sussidju soċjali li kienu jirċievu rispettivament li flimkien jammontaw għal €291,22 fil-ġimgħa.
Waqt l-investigazzjoni, sar magħruf li Giuseppe Cutajar kien ilu ma jkun reġistrat li qed jaħdem mill-2003, iżda minkejja dan hu kellu tliet karozzi rreġistrati f’ismu; BMW 320, Mitsubishi Colt u Mitsubishi Pajero. Hu kellu wkoll dgħajsa rreġistrata f’ismu, filwaqt li Sharon Camilleri kellha yacht ta’ 26 pied f’isimha.
F’waħda mis-safety deposit box ta’ Sharon Camilleri instabu €82,080 flimkien ma’ numru ta’ ġojjelli, minkejja li din kien ilha ma tirreġistrata li taħdem mill-1998.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud mexxa il-każ.
//= $special ?>