Parlament

Michael Falzon jinfexx jattakka uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali

Fl-aġġornament tas-seduta tal-lejla, id-Deputat Laburista Michael Falzon f’intervent imqanqal għamel attakk fuq diversi uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Akkużahom b’atteġġjament nażżista u ta’ Goebels.

Hu qal li f’ġieħ it-trasparenza, jitlob lill-Awditur Ġenerali u lill-Ispeaker biex  jinvestigaw lil Keith Mercieca li l-aġenda tiegħu hi li jħammeġ lill-Partit Laburista.  Sostna li flimkien ma’ Josephine Vella iċċelebraw bix-xampanja meta ħareġ rapport li fih jissemma l-Ministru Chris Cardona.

Michael Falzon qal li Mercieca ma jistax jitqies persuna li tista’ tinvestiga b’mod trasparenti meta ssiefer mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Nies bħal dawn, sostna Michael Falzon, ma jistgħux jaslu biex jinvestigaw rapporti oħra li saru lill-Uffiċċju tal-Awditur qabel il-każ ta’ Triq Zekka. Dawn kienu jitrattaw il-każ allegat dwar Tal-Fekruna, u Kirja tal-HSBC.

Michael Falzon semma wkoll lit-tifla ta’ Godwin Grima u sostna li din ordnat  u ngħatat business cards tagħha b’kariga ġdida qabel ma din il-kariga ngħatat uffiċjalment.

Id-Deputat Laburista talab lill-Ispeaker biex jitlob informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar lista ta’ rapporti u investigazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju kif ukoll dwar xi proċedura tintuża biex ir-rapporti li jsiru jiġu investigati.