Lokali

Bil-filmat u ritratti: Tmut Miracle, ‘il-kelba ta’ kulħadd’

Miracle, ‘il-kelba ta’ kulħadd’, il-kelba li kienet abbandunata u ngħatat ċans ieħor, ilbieraħ ħalliet din id-dinja. Miracle hija l-kelba li għal dawn l-aħħar ġimgħat daħlet fi qlub dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-annimali.

miracle abbandunata

Maria D’Amato, il-persuna li salvat u li ħadet ħsieb lil Miracle għal dawn l-aħħar xahrejn, tkellmet ma’ dan is-sit u rrakuntat kif kienet sabet lil Miracle, abbandunata taħt siġra fiż-Żejtun. Maria tirrakonta li dakinhar Miracle kienet għadma u ġilda, qed tmut u diġà qed idur għaliha d-dud. Dak il-ħin stess, Maria refgħet il-kelba bla ħajja, għanqitha magħha u ħaditha għand veterinarju – Maria kienet determinata li lil Miracle se ssalvalha ħajjitha. Madanakollu l-veterinarji kollha li marret għandhom Maria kienu kollha tal-istess fehma, li Miracle kellha titraqqad għax il-kliewi kellhom ħafna ħsara u demm ma kelliex biżżejjed. Apparti minn hekk, Miracle kienet qed tiżen 8kg meta suppost klieb tad-daqs tagħha jkunu jiżnu madwar 20kg.

miracle miracle u maria miracle new miracle 2

Kif semgħet hekk, Maria għamlet appell għall-għajnuna fuq il-grupp ta’ Facebook ‘RUBS puppy love’, u għal darb’oħra l-ġenerożità tal-Maltin spikkat. Il-pubbliku kkontribwixxa għall-ispejjeż tal-mediċina, għal-ikel u għal dak kollu li kellha bżonn Miracle sabiex ġġib saħħitha lura u tgħix ħajja iktar kuntenta. Apparti minn hekk, għall-ewwel darba f’Malta, sar appel għad-demm ta’ klieb ‘l fuq minn 30kg li ntbgħat barra minn Malta għat-testijiet u issa d-demm qed ikun kkategorizzat skont it-tip differenti. Qabel, kull tip ta’ demm tal-klieb kien jitqies l-istess u kien hemm drabi fejn jingħata demm li ma kienx jaqbel mal-kelb jew kelba li jkun fil-bżonn. Fortunatament permezz ta’ dan il-proċess ġdid li ġie ntrodott f’Malta bis-saħħa ta’ Miracle, hi ukoll sabet donatur kompatibbli mad-demm tagħha. Apparti minn hekk, għal dawn l-aħħar xahrejn, Miracle kienet qed tingħata d-drip għal 11-il siegħa kuljum.

Dan il-proċess ma kien faċli xejn għal Maria li ta’ kuljum kienet qed tagħmel minn kollox biex iżżomm lil Miracle kuntenta u sana. Maria, imbikkma, tispjega li għalkemm Miracle għamlet avvanzi kbar u kienet bdiet tilgħab mal-klieb l-oħra ta’ Maria (kif jidher fil-filmat t’hawn taħt), ilbieraħ tilfet il-battalja kontra l-mewt u ħallietna. Madanakollu, wieħed jista’ jgħid li Miracle mietet imdawra b’nies li jħobbuha u trattata daqs reġina, minflok abbandunata bħal kif kienet ftit tal-ġimgħat ilu.

Maria min-naħa tagħha rringrazzjat lil kul min għena b’xi mod jew ieħor u lil kull min kien hemm għal Miracle.

Intant, fuq Facebook infetħet paġna ddedikata lil Miracle fejn fiha kienu qed jittellgħu l-aħħar żviluppi ġodda ta’ Miracle għal dawk kollha li kienu qed juru nteress fiha. Din il-paġna għandha mhux inqas minn 2,900 segwaċi.