Kultura Lokali

Edizzjoni oħra ta’ Sliema Arts Festival

Sliema Arts Festival 2015 - Photos by nic media - facebook.com/nicmediamalta

Għar-raba’ sena konsekuttiva, mill-15 sas-17 ta’ Lulju, se tiġi organizzata edizzjoni oħra tas-‘Sliema Arts Festival’, imtellgħa mill-kunsill lokali tas-Sliema, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

L-idea wara dan il-festival hija biex filwaqt illi jiġu esEbiti varjazzjonijiet ta’ talent u xogħol artistiku, fl-istess ħin numru t’artisti, kemm lokali kif ukoll barranin, jaħdmu flimkien biex jesponu t-talent tagħhom ma’ dawk kollha li jattendu dan il-Festival.

Waħda mill-akbar sfidi bi prijorità ewlenija waqt festival bħal dan huwa bla dubju l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-festival innifsu, b’mod speċjali l-aspett ta’ mużika, u t-trankwillità tal-individiwi u r-residenti. Għalkemm tista’ tkun ta’ diffikultà, hija madankollu ta’ importanza kbira.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tingħata aspett kemmxejn differenti mis-snin preċedenti, fejn membri bħal Christopher Gatt, ex-Direttur ta’ ‘St. James Cavalier’, b’il fuq minn għoxrin sena esperjenza fix-xena t’arti viżwali u prestazzjonijiet ‘live’, se jkun qed jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu, fejn se jkun parti integrali ta’ dan il-festival.

Wieħed mill-akbar sodisfazzjoni minn dan il-festival huwa bla dubju l-ammont ta’ mużiċisti, artisti, u nies ordinarji minn kull aspett tal-ħajja li se jingħaqdu ġewwa tas-Sliema, fl-aqwa tas-Sajf, biex igawdu mis-sitt areni artistiċi, b’iktar minn mitt artist jagħtu s-sehem tagħhom għal divertiment garantit lil dawk Maltin kif ukoll barranin.

Il-kumitat organizzativ ta lil dan il-festival tema partikolari li se tkun qed tirrifletti kemm ġrajjiet kurrenti, kif ukoll suġġett ferm importanti għall-Ewropa – l-Immigrazzjoni. Dan il-festival, għaldaqstant, se jiġi mtella bl-appoġġ tal-MOAS, Migrant Offshore Aid Station, fejn l-festival se jġib l-isem ta’ ‘A Place Called Home’.

MOAS għandhom żewġ proġetti pjanati għal dan il-festival. ‘The Gift’, mill-artist Alfredo Jaar, huwa proġett fejn patruni ta’ dan il-festival se jkunu qed jiġbru rigal mingħand voluntiera li se jkunu preżenti. It-tieni proġett iġib l-isem ta’ ‘The Journey’ fejn patruni se jagħmlu parti minn ‘mapping project’. Aġenzija Sedqa se jkunu ukoll qed iqassmu ‘cocktails’ mhux alkoħoliċi għall-publiku. Flimkien ma’ dan, se jkun hemm diversi attivitajiet oħra mhux biss għall-adulti iżda anki għat-tfal, bħall-‘face-painting’.

Il-festival ta’ din is-sena se jkollu palk teatrali, mibni fuq wieħed miż-żewġ għadajjar ġewwa Ġnien Indipendenza, Sliema. Hemmhekk se jkun hemm numru varjat t’esibizzjonijiet artistiċi.

Apparti dan se jkun hemm ukoll numru ta’ gabbani tal-ikel u suq artiġjanali.

Fil-‘Bay Stage’ se jkun hemm ammont kbir ta’ bands lokali u settijiet akustiċi. Ġeneri oħra, bħal ‘rock alternative stage’, Rock The Beach ospitat min-‘No Sweat Productions’. Atmosfera ta ‘chill by day party by night’ se tkun koordinata minn Duncan F u Alex Thomson, ġewwa Surfer’s Paradise, bejn Torri u Surfside. Reggae Pon Di Beach se tkun imtella minn JUULS Café. Nhar is-Sibt, sittax ta’ Lulju, Perpendicular se jkunu qegħdin jospitaw ‘early evening party’ ġewwa Surfside.

Il-Kunsill Lokali tas-Sliema qed jikkollabora mal-parkeġġ ta’ Tigne Point, biex joffru servizz ta’ Park and Ride, sabiex jiffaċilita l-problema kontinwa ta’ parkeġġ ġewwa tas-Sliema. Dan is-servizz se jiġi offrut għall-prezz skontat ta €2, mit-tmienja ta’ filgħaxija sas-siegħa ta filgħodu, mill-Ġimgħa ħmistax ta’ Lulju, sa nhar il-Ħadd, sbatax ta’ Lulju.

Minkejja diversi ostakli, l-kumitat responsabbli għall-avvenimenti flimkien ma diversi entitajiet involuti, irnexxilhom jaħdmu id f’id u jgħelbuhom. Dan kien biss possibli grazzi ghall-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ ‘partners’ bħad- Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif ukoll ‘sponsors’ bħall-Urban Jungle, Charles Grech, Bay Radio, Midi plc and SIS Ltd, Olimpus Music, Zyppee, Quicklets, Zanzi Homes, eCabs, kif ukoll Surfside Bar & Grill.