Imut John R Casha – eks President tal-Industries Sports Association

Il-bieraħ tħabbret il-mewt ta’ John R Casha, li se jibqa’ mfakkar għal ħidma tiegħu fl-isports fost oħrajn mal-Industries Sports Association (ISA). Huwa miet fl-eta’ ta’ 88 sena.

John R Casha ħadem għall-snin twal fl-ISA, fejn kellu kull xorta ta’ kariga fl-istess Assoċjazzjoni, fosthom Teżorier, Segretarju u President. Apparti minn hekk, hu ħadem ukoll fil-Malta Football Association (MFA).

Warajh ħalla lill-familjari tiegħu fosthom l-eks referee Ritchie Casha u l-eks plejer ta’ Sliema Wanderers Jimmy Casha.

Presentazzjoni John Casha

Wara li spiċċa minn din il-kariga ta’ President, is-suċċessur tiegħu Benjamin Rizzo kien preżenta unur lill-istess John R Casha bħala ringrazzjament tal-ħidma kollha li għamel fl-ISA waqt attivita’ speċjali. Din l-Assoċjazzjoni kienet waħda mill-ewwel organizazzjonijiet li tellgħet logħob tal-futbol bejn ħaddiema, fejn kienu jużaw żewġ grawnds taż-żrar partikolari, dak ta’ Kordin u tal-Universita ta’ Malta.

John R Casha se jibqa’ magħruf ukoll bħala l-akbar persuna li rreġistrat għall-kors fl-Universita ta’ Malta. Kien propju fl-2013, fl-eta’ ta’ 85 sena, b’determinazzjoni liema bħala John R Casha applika sabiex jistudja l-kors tal-Inġinerija.

Il-funeral tiegħu se jsir għada l-Ġimgħa fis-2.30pm fil-Knisja tas-Sacro Cuor Tas-Sliema.