Il-Freeport ta’ Malta hu storja ta’ suċċess għal dawn l-aħħar 28 sena u t-tip ta’ suċċess li ġġenera l-Freeport, hu wieħed li gawda minnu kulħadd, b’mod partikolari l-ħaddiema.
Waqt żjara fil-Freeport, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-pass li jmiss hu li jkompli jkun żviluppat is-settur ta’ loġistika. U dan is-settur għandu l-potenzjal li jkun suċċess kemm għall-investituri kif ukoll li joħloq impjiegi b’pagi tajbin.
Simon Busuttil intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Freeport Alex Montebello u membri oħra tal-management. Hu dar l-uffiċċji fejn seta’ jsegwi mill-qrib l-ippjanar li jsir fil-movimenti ta’ containers ferm qabel il-vapur jasal Malta. Hu segwa ukoll kif issir is-superviżjoni tal-ħatt u t-tagħbija tal-containers minn u fuq il-vapuri.
Mill-bini ewlieni, il-Kap tal-PN żar it-terminal fejn seta’ jara mill-qrib il-ħidma li ssir fil-port. Hu kellu wkoll l-okkażjoni li jitla’ fuq wieħed mill-krejnijiet u jara direttament x’jinvolvi x-xogħol tal-operaturi li jqattgħu il-ġurnata tax-xogħol tagħhom f’kabina f’għoli ta’ diversi sulari.
F’diskors qasir, Simon Busuttil qal li l-Freeport kien l-ewwel twettiq ta’ viżjoni għal Malta li tkun ċentru ta’ trasbord u dan il-kunċett għandu jkun estiż għal iktar setturi. Hu kompla li l-Freeport jimpjega 750 persuna direttament u mijiet oħra li l-għixien tagħhom hu marbut mill-qrib mal-ħidma tal-Freeport. Hu tenna l-appoġġ tal-PN għal din l-azjenda li tant ħolqot ġid tul is-snin.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Freeport Alex Montebello qal li l-Freeport għaddej bi programm ta’ investiment ta’ €28 miljun ewro biex ikabbar il-krejnijiet u llum il-ġurnata il-Freeport jista’ jaħdem fuq l-ikbar vapuri eżistenti kif ukoll dawk tal-futur. Vapuri ġganteski li jġorru mal-20,000 container u li għandhom wisgħa ta’ 25 container. Hu qal li s-sena li għaddiet kienet sena rekord għall-Freeport li minnu għaddew iktar minn 3 miljun container. U dan fi żmien meta l-kompetituri ewlenin fil-Mediterran raw tnaqqis.
Il-Kap tal-PN iltaqa’ ma’ iktar ħaddiema b’ħafna minnhom jieħdu l-okkażjoni biex ikellmuh mill-qrib fuq diversi suġġetti.
Iż-żjara intemmet b’laqgħa mal-bord tad-diretturi. Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm ukoll id-Deputat Ċensu Galea u l-kandidati Alan Abela Wadge, Anne Marie Muscat Fenech Adami u Evelyn Vella Brincat.
//= $special ?>