Għal ġimgħat sħaħ, l-aħbarijiet kienu bbażati fuq l-iskandlu tal-Panama. Skandlu internazzjonali li hu l-ikbar li qatt rajna. Skandlu li involva ħafna nies, uħud famużi, u wħud Maltin. Permezz tal-irresponsabbiltà u nuqqas ta’ etika ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Malta kienet parti minn dan iċ-ċirku, minn dan l-iskandlu li saħħar id-dinja.
Ħadd ma kien jobsor x’inhu għaddej minn wara l-kwinti minn numru ta’ nies biex jaħbu flushom f’kontijiet sigrieti barra minn pajjiżhom, dan biex jevitaw li jħallsu taxxa fuq id-dħul tagħhom. Oħrajn ħbew il-flus li saru mhux bl-iktar mod nadif u allura użaw is-segretezza li tippermettilek il-Panama biex ma jinqabdux. Iżda effettivament, inkixfu permezz tal-famużi Panama Papers.
Intant, din il-ġimgħa beda x-xogħol mill-kumitat ta’ inkjesta fi ħdan il-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers.
Dan il-Kumitat inħoloq apposta biex jinvestiga x’sar, minn min u x’manuvri kien hemm fl-evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus. Malta qed tagħti attenzjoni kbira lix-xogħol ta’ dan il-Kumitat għax minħabba Konrad Mizzi u Keith Schembri, pajjiżna hu wieħed minn dawk il-pajjiżi mċappsa bi protagonisti f’dan l-ikbar skandlu.
Sfortunatament, meta l-Partit Laburista wiegħed li jpoġġi lil Malta fuq il-mappa, ma ndunax li bl-għaġir tiegħu u tal-esponenti ewlenin tiegħu, kien qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa tal-korruzzjoni u l-qerq.
Il-poplu jilmenta
Jekk il-Partit Laburista jakkuża lill-Partit Nazzjonalista li hu negattiv, dan qed jagħmlu biss biex jipprova jaljena u jaħbi dak li verament qed jagħmel. Li tikkritika u tilmenta mhux negattivita iżda realtà.
Il-Gvern għandhu jara li l-poplu, u l-Partit Nazzjonalista, ma jkollux x’jikkritika, iżda minflok, il-Gvern qed ikompli għaddej u jakkuża lil min jilmenta li qed ikun negattiv.
Intant, anki l-ombudsman ikkonferma li f’dawn l-aħħar snin, in-numru ta’ ilmenti fil-konfronti ta’ entitajiet Governattivi żdied u żdied bil-kbir. Fil-fatt, minn sena għall-oħra, dawn l-ilmenti żdiedu b’persentaġġ għoli tant li s-sena l-oħra ż-żieda kienet ta’ 14 fil-mija.
Dan ifisser li l-ombudsman qed ikun negattiv? La l-figuri mhux tajbin, ifisser li min qed jirrappurtahom hu negattiv? Le, anzi, ifisser li min qed jirrapporta qed ikun realistiku u responsabbli biżżejjed li l-problema ma jitfagħhiex taħt it-tapit.
Gvern li ma jismax
Iżda dan il-Gvern, minkejja l-għajta ta’ Gvern li jisma’, fil-verità ma jismax. Il-Gvern injora l-karba tal-poplu fil-każ tal-Panama u qed jinjora l-karba tal-poplu li jixtieq, u jistħoqqlu, ikun gvernat b’responsabbiltà u lealtà lejn il-pajjiż u mhux lejn in-nies tal-qalba.
Poplu jilmenta għax hemm problema, iżda dan il-Gvern il-problemi jitfagħhom taħt it-tapit minflok jipprova jindirizzahom. Gvern li ma jismax u ma jridx jara kif se jtejjeb il-ħajja tan-nies, iżda moħħu biss biex jara li ta’ madwaru jgawdu u jiffangaw issa li hemm iċ-ċans jagħmlu dan.
//= $special ?>