Pensjonant ta’ 66 sena ġie mressaq il-Qorti wara li ikkommetta atti sesswali ma’ tlieta minn neputijiet tiegħu ta’ 8 snin. L-atti abbużivi saru bejn l-2002 sa ftit ġimgħat ilu.
Il-Qorti ordnat li isem l-akkużat anzjan ma jiġix ippublikat, sabiex ma jikxifx l-identita’ tal-vittmi. L-anzjan stqarr quddiem il-Qorti li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda ma saret l-ebda talba għall-liberta’ proviżorja u għaldaqstant inżamm arrestat.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja sema’ kif il-każ ġie magħruf, hekk kif wieħed minn neputijiet li llum għandu 18-il sena ddeċieda li jirraporta l-abbuż li kienu saru fuqu disa’ snin qabel.
L-ispettur tal-Pulizija John Spiteri qal li n-neputi ddeċieda jirraporta lil zijuh hekk kif ra lill-istess akkużat jilgħab ma’ tfal oħra waqt okkażjoni tal-familja u beża’ li t-tfal jispiċċaw fl-istess sitwazzjoni.
Matul l-investigazzjonijiet, sar magħruf li anke oħt in-neputi li rraporta safat abbużata minn zijuwa, iżda hi beżat li tirraporta kollox lill-Pulizija.
Irriżulta wkoll li z-zija tal-vittmi kienet sfurzata kontra r-rieda tagħha li tieħu sehem fl-atti sesswali mal-minorenni, iżda hi wkoll qagħdet lura milli tirraporta lir-raġel tagħha.
Il-prosekuzzjoni qalet li matul l-interrogazjoni tal-anzjan, hu ammetta li għamel dawn l-atti u ammetta wkoll li kkorrompa neputija oħra ta’ 8 snin, tliet ġimgħat ilu.
F’isem l-akkużat deher l-avukat Patrick Valentino.
//= $special ?>