Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, iffurmat il-Gvern ġdid f’Londra fejn spikkaw ċerti għażliet ta’ Ministri u t-tkeċċijiet ta’ membri prominenti tal-Kabinett preċedenti.
Dan meta Philip Hammond issa hu l-Kanċillier ġdid tal-Finanzi, bl-aktar għażla sorpriża, tkun dik tal-eksSindku ta’ Londra, Boris Johnson, bħala Segretarju għall-Affarijiet Barranin minflok Hammond.
Kien ikkonfermat li Liz Truss, l-eks Segretarju għall-Ambjent u Affarijiet Rurali, ħadet post Michael Gove bħala Segretarju għall-Ġustizzja. Gove kien ukoll kelliem ewlieni tal-Brexit u kontesta għall-kariga ta’ kap Konservattiv wara li tradixxa lil Johnson.
Sadanittant, John Whittingdale tkeċċa minn Segretarju għall-Kultura, waqt li Jeremy Hunt żamm postu bħala Segretarju tas-Saħħa.
Ħatriet oħrajn ġodda fil-Kabinett huma dawk ta’ Amber Rudd, li ħadet ir-rwol ta’ Home Secretary ( Ministru għall-Intern) minn idejn Theresa May; David Davis, bħala Segretarju għall-proċess tal-Brexit u Liam Fox, bħala s-Segretarju tal-Istat għall-kummerċ internazzjonali. Dan meta l-Prim Ministru May iddeċidiet li żżomm lil Michael Fallon bħala Segretarju tad-Difiża.
Il-Kanċillier ġdid għall-Finanzi, Hammond, wissa li l-ekonomija tar-Renju Unit qed tidħol f’fażi ġdida wara l-vot għall-Brexit ‘li, għalissa, qed iħalli effett ta’ friża għall-ekonomija’. Hammond ammetta wkoll li l-Brexit heżżeż il-fiduċja u wassal biex ħafna negozji jżommu lura minn deċiżjonijiet għall-investiment. Għaldaqstant hu qed iħeġġeġ biex il-Gvern ġdid Britanniku jibgħat sinjali biex iserraħ ras in-nies mill-aktar fis.
Hu minnu wkoll li d-dinja politika għadha sorpriża bl-għażla ta’ Boris Johnson (wieħed mill-aktar uċuh prominenti fil-kampanja biex il-Britanniċi jħollu l-isħubija fl-UE ) biex imexxi l-Foreign and Commonwealth Office. Dan meta Johnson għandu reputazzjoni għall-kontroversji u stqarrijiet diskutibbli fl-arena internazzjonali.
Tkeċċijiet u ċaqliq ta’ Ministri fil-Kabinett ġdid ta’ Theresa May
