Fil-media ġie ppubblikat l-ewwel ritratt ta’ Mohamed Lahouaiej Bouhlel, ir-raġel li qed jissemma’ bħala t-terrorista li kkawża l-mewt ta’ 84 fl-attakk terroristiku ta’ Nizza.
Fl-attakk tal-bieraħ filgħaxija, it-terrorista saq trakk kbir għal nofs il-folla li nġabret fi Promenade des Anglais biex tiċċelebra l-Jum Nazzjonali Franċiż.
Ir-ritratt hu parti mill-karta tal-identità tat-terrorista, li nkisbet mill-appartament tiegħu f’Nizza stess wara rejd mill-Pulizija Franċiża li qed jinvestigaw il-motiv wara l-attakk.
Ir-raġel kellu 31 sena qabel inqatel mill-Pulizija wara li saq it-trakk għal żewġ kilometri sħaħ, waqt li tajjar u qatel lil kull min sab quddiemu.
Bouhlel kien magħruf mal-Pulizija minħabba l-passat kriminali tiegħu. Madanakollu ma jidhirx li kien fuq il-lista tal-persuni estremisti. Fost oħrajn, hu kien tressaq il-Qorti minħabba vjolenza. Apparti minn hekk, hu kien magħruf mal-Pulizija minħabba theddid u serq.
Ir-raġel, oriġinarjament mit-Tuneżija, iżda ta’ oriġini Franċiża-Tuneżina, kera t-trakk jumejn qabel wettaq l-attakk. Hu kien jaħdem bħala xufier u ‘delivery person’.
L-eks-mara ta’ Bouhlel, li magħha kellu t-tfal, qed tinżamm mill-Pulizija għall-interrogazzjoni.