It-titjriet kollha minn u lejn l-Ataturk Airport tat-Turkija tħassru wara li fazzjoni mill-armata militari tat-Turkija ħabbret li rnexxielha twettaq kolp ta’ stat kontra l-Gvern tal-pajjiż. Madankollu l-Prim Ministru Binali Yildrim appella għall-kalma u ddeskriva l-azzjoni bħala waħda llegali.
L-istess ajruport hu rrappurtat li hu mdawwar minn vetturi militari. L-ewwel titjira minn Istanbul lejn Malta hi waħda konġunta bejn l-Air Malta (KM 2701) u t-Turkish Airlines (TK 1369) li kellha tħalli Malta fl-09:50.
Siegħa iktar tard, jiġifieri fil-10:50, it-titjira bejn l-Air Malta (KM 2700) u Turkish Airlines (TK 1370), kellha tħalli lil pajjiżna fid-direzzjoni ta’ Istanbul. S’issa, minħabba li l-ajruport hu magħluq, din it-titjira mhux se sseħħ.
Kollox beda meta tankijiet tal-gwerra imblukkaw l-aċċess għal Istanbul, filwaqt li fiż-żona tal-ajru tal-kapitali Ankara bdew jittajru numru ta’ ajruplani militari. Instema’ wkoll sparar fil-kapitali filwaqt li xi ambulanzi dehru quddiem il-kwartieri militari.
L-ewwel rapporti jindikaw ukoll li xi membri għolja tal-Gvern ġew arrestati wara l-azzjoni mill-membri militari tal-pajjiż. Iżda l-Prim Ministru Yildrim fl-ewwel reazzjoni tiegħu wissa’ li min hu responsabbli għal din “l-azzjoni llegali se jħallas l-ogħla prezz.”
//= $special ?>