The Times tikkritika lill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mod kif warrab l-offerta tal-Oppozizzjoni biex tikkopera mal-Gvern quddiem is-sitwazzjoni wara Brexit. Kritika fl-editorjal ta’ The Times.
L-editorjal ta’ The Times jiffoka fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-politika li għandha tuza Malta quddiem Brexit. The Times issostni li l-Prim Ministru għandu jirrikonoxxi lil Malta bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.
Kritika oħra minn The Times lejn il-Prim Ministru hi li minn diskorsi jirriżulta li l-Gvern jippreferi jinjora l-offerta tal-oppożizzjoni u jitratta s-sitwazzjoni waħdu. Skont The Times, il-Prim Ministru ma jridx li sena qabel l-elezzjoni ġenerali, l-oppożizzjoni tieħu mertu f’ħidma għall-pajjiż.
Biex jikkritika lill-oppożizzjoni, issostni The Times, il-Prim Ministru dejjem jagħżel li jmur lura għas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet meta kull min kien jikkritika lill-Gvern Laburista kien jiġi ittimbrat traditur.
The Times issostni li din l-attitudni tal-Gvern ma tawgurax tajjeb. L-affarijiet jistgħu jmorru għall-agħar b’riperkussjonijiet negattivi għal Malta u għalhekk ikun għaqli għall-Gvern li ma jagħlaqx il-bibien fuq il-proposta tal-Oppożizzjoni għall-kooperazzjoni.
L-editorjal ta’ The Times jikkwota lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li esprima tama li l-Prim Ministru jaċċetta l-offerta tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-kooperazzjoni fil-livelli kollha fl-aħjar interess tan-nazzjon.
Iżda dan, tikkummenta The Times, jiddependi ovvjament minn kif wieħed jiddefinixxi l-interess nazzjonali.
//= $special ?>