“Id-dinja diġitali hija stil ta’ ħajja għal miljuni ta’ persuni u negozji u l-konsumaturi qed iwettqu tranżazzjonjiet onlajn b’tali mod li biddlu d-domanda għall-oġġetti, is-servizzi u l-konsum tal-kontenut. L-użu tal-għodda diġitali jgħin fl-innovar ta’ mudelli tan-negozju u sabiex dan isir bl-aħjar mod, għandna bżonn ISPs b’saħħithom, li mhux qegħdin hemm biex iwaqqgħu siti elettroniċi li persuni pubbliċi jqisu li huma ta’ theddida, iżda li huma hemm biex jipprovdu l-aħjar konnettivitá, ħeffa u bi prezzijiet affordabbli. Nistennew li jipprovdu l-ħeffa tal-internet li jirreklamaw.” L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt id-diskors tal-ftuħ tal-konferenza Growing and Thriving Online li organizzat f’Malta flimkien ma’ Google. Comodini Cachia enfasizzat li l-intrapriżi ż-żgħar u medji li jimirħu onlajn jikbru b’erba’ darbiet aktar, joħolqu d-doppju tal-impjiegi u b’50% ċans li jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom f’reġjuni oħra.
Comodini Cachia qalet li “quddiem din l-isfida, ma stajtx nieqaf biss fuq it-tfassil tal-policies, iżda ħassejt li kelli nagħti kontribut biex jinħolqu aktar opportunitajiet lin-negozji u start-ups Maltin.” Enrico Bellini ta’ Google rringrazzja lil Comodini Cachia għall-opportunitá li joffru aktar taħriġ lil start-ups u negozji Maltin. Huwa ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jifhmu aktar l-importanza li jmorru diġitali u għalhekk ukoll Google se jibqgħu jipprovdu għajnuna lin-negozji Ewropej u jinsabu impenjati li joffru taħriġ lil żewġ miljun Ewropew. Studju tal-Kummissjoni Ewropea juri li sas-sena 2020, fl-Unjoni Ewropea se jkun hawn nuqqas ta’ 800,000 espert fl-informatika.
Matul l-ewwel parti tal-attivitá, saret diskussjoni li matulha pparteċipaw l-MEP Therese Comodini Cachia, l-MEP Pollakk Michal Boni, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Bureau Joe Tanti, l-imprenditur Paul Doyle u l-blogger Caroline Paris. Comodini Cachia saħqet li “kulħadd huwa kreattiv u innovattiv u kif dawn huma l-ħiliet li jeħtieġ li nsaħħu fl-iskejjel, hekk kif l-imprendituri huma avventurużi. Is-sens imprenditorjali f’Malta qed jikber u għalhekk irridu ngħinu lin-negozji biex jikbru u jimirħu onlajn.”
Michal Boni enfasizza li “għandna bżonn soluzzjonijiet u linji gwida sabiex inbiddlu l-mentalitá u nkunu ppreparati aħjar għall-isfidi diġitali.” Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Bureau Joe Tanti qal li “7% biss tal-SMEs fl-Ewropa qed iwettqu kummerċ ‘il barra mir-reġjun tagħhom.” Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ qafas leġiżlattiv uniku u liġijiet armonizzati madwar l-Ewropa li jgħinu biex 57% tal-kumpaniji Ewropej jibdew jew ikabbru l-isforzi tagħhom li jwettqu kummerċ onlajn, b’kontribuzzjoni kbira lill-ekonomija Ewropea u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Qabel id-diskussjoni l-istrateġista diġitali Alex Grech indirizza lill-udjenza dwar il-litteriżmu diġitali u kif għandhom ifittxu l-għarfien bħala ċittadini diġitali. Diego Culli ta’ Google kellu preżentazzjoni dwar kif wieħed jista’ jieħu l-aqwa mill-internet. Fl-attivitá kien hemm żewġ workshops li saru mill-esperti tal-Google. Think Audience u Think Multiscreen, fejn l-ewwel workshop kien orjentat lejn kif negozji jistgħu jikbru fl-esporazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jipprovdu u li t-tieni workshop kien intiż lejn kif jespandu fi pjattaformi diġitali differenti fosthom dawk tal-mowbajl. Peress li kien hawn domanda kbira mill-SMEs lokali għal din l-attivitá, partijiet minnha ġew streamed live fuq il-paġna tal-Facebook tal-MEP Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>