Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil isostni li Malta għandha l-kredenzjali neċessarji ta’ sieħeb ta’ fiduċja fost il-pajjiżi Ewropej u tal-Mediterran biex taqdi funzjonijiet importanti fir-reġjun.
Dan l-irwol ta’ Malta kien enfasizzat f’diskors li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel meta kien qed jitkellem waqt esebizzjoni kummerċjali li saret fi Smart City li fiha pparteċipaw esebituri minn Malta, l-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-iżvilupp ta’ Malta mill-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea u sostna li Malta qdiet b’responsabbiltà l-obbligi tagħha waqt ir-rivoluzzjoni fil-Libja fl-2011. Irid ikun rikonoxxut li l-paċi fil-Libja hi element vitali għall-paċi fil-Mediterran, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li kompla li anki f’dawk iċ-ċirkostanzi Malta wriet li kienet pajjiż ta’ fiduċja.
Simon Busuttil tkellem dwar l-isfidi reġjonali li qed jiffaċċja l-Mediterran u poġġiehom fil-kuntest dinji. Hu qal li l-isfidi internazzjonali li qed tiffaċċja din il-ġenerazzjoni huma l-immigrazzjoni, it-terroriżmu u l-bidla fil-klima.
Biex dawn l-isfidi jingħelbu jeħtieġ li l-popli jaħdmu flimkien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Malta għandha rwol kruċjali fil-Mediterran u żied li issa hu l-mument li l-pajjiż iħares lil hinn biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-Mediterran. Dan irid isir billi l-pajjiżi Mediterranji jaffaċċjaw l-isfidi, sostna Simon Busuttil.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjeta tal-Partit Nazzjonalista mal-poplu Franċiż wara l-attakki terroristiċi f’Nizza.
L-esebizzjoni kummerċjali kienet indirizzata wkoll mid-deputtai tal-Partit Nazzjoanlista Robert Arrigo u Kristy Debono.
//= $special ?>