Internazzjonali

Mexxejja tad-dinja jesprimu solidarjetà ma’ Franza

epa05425166 Wounded people are evacuated from the scene where a truck crashed into the crowd during the Bastille Day celebrations in Nice, France, 14 July 2016. According to reports, at least 70 people died and many were wounded after a truck drove into the crowd on the famous Promenade des Anglais during celebrations of Bastille Day. Anti-terrorism police took over the investigation in the incident, media added. EPA/OLIVIER ANRIGO

Filwaqt li l-impatt tal-attakk terroristiku fi Franza baqa’ jidwi madwar l-Ewropa, żgur li ma naqsux l-espressjonijiet ta’ kundanna u stmerrija għall-azzjoni li serqet il-ħajja innoċenti. Dan waqt li spikkaw appelli għall-għaqda u solidarjetà mal-qraba tal-vittmi.

Il-Mexxejja prominenti tad-dinja kienu fost l-ewwel li esprimew in-niket dwar id-dmija ta’ Jum Bastilja, f’Nizza, u fejn il-Papa Franġisku kkundanna ‘il-vjolenza għamja li mill-ġdid ħalliet wied ta’ mewt u qerda’. Il-Papa hu partikularment imnikket li l-attakk ħalla t-tfal mejtin u midruba f’ħin meta Franza kienet qed tiċċelebra l-jum nazzjonali tagħha. Il-Kap tal-Kattoliċi, permezz ta’ messaġġ, ikkundanna bla riservi l-azzjoni qattiela waqt li esprima solidarjetà mal-poplu Franċiż ‘li qiegħed miegħu fl-ispirtu’.

Il-Vatikan, intant, ‘ikkundanna kull manifestazzjoni intenzjonata biex toqtol u li tirrifletti mibgħeda, flimkien mat-terroriżmu u l-attakki kontra l-paċi’.

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ikkundanna ‘l-attakk terroristiku terribbli’ f’Nizza u qal li l-ħsibijiet u t-talb tal-Amerikani huma mal-familji tal-vittmi f’dawn il-mumenti diffiċli. Filwaqt li nnota li l-attakk kellu jseħħ f’Jum Bastilja, Obama faħħar ‘il-valuri demokratiċi straordinarji ta’ Franza li jagħmluha ispirazzjoni għad-dinja’.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry qal li kien kburi li seta’ jkun preżenti mal-Mexxejja Franċiżi waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Bastilja, f’Pariġi. Hu tenna li l-Istati Uniti se tkompli tappoġġja lill-poplu Franċiż f’dan iż-żmien traġiku.

Tkellmu wkoll il-kandidati rivali li f’Novembru għandhom jikkuntestaw l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Ir-Repubblikan Donald Trump ikkundanna l-attakk f’Nizza u ddikjara li ‘din hija gwerra’, waqt li l-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton qalet li ‘il-Punent mhux se jkun intimidat u li kull Amerikan qed jesprimi solidarjetà mal-Franċiżi’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May sejħet biex il-pajjiżi ‘jirduppjaw l-isforzi biex jegħlbu lill-estremisti vjolenti li jridu jkissru l-istil tal-ħajja tagħna.’ Hi fissret l-attakk f’Nizza bħala ‘tat-tkexkix’ waqt li impenjat l-appoġġ tal-Britanniċi lil Franza.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel ukoll wiegħdet solidarjetà ‘assoluta’ ma’ Franza u sostniet li pajjiżha ‘jinsab wara l-Franċiżi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu’. Hi fl-istess ħin esprimiet fiduċja ‘li l-ġlieda tintrebaħ minkejja l-ħafna diffikultajiet’.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk esprima preokkupazzjoni li ‘l-attakk fuq Franza seħħ proprju waqt il-jum nazzjonali tagħha’ u sostna li d-dinja tinsab magħquda mal-poplu Franċiż. Hu fisser bħala ‘paradoss traġiku’ li l-vittmi tal-attakk kellhom ikunu nies li sa ftit qabel kienu qed jiċċelebraw il-libertà, l-ugwaljanza u sens ta’ fraternità’.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li jinsab ‘ixxukkjat u mnikket’ u sostna li Franza tista’ tiddependi mis-solidarjetà tal-Alleanza. Hu kompla li l-attakk kien immirat għal nies innoċenti u l-valuri ewlenin li n-NATO tirrappreżenta.

Il-President tar-Russja Vladimir Putin qal li ‘hu xxukkjat bil-vjolenza u ċ-ċiniċiżmu eċċezzjonali li spikka waqt l-attakk f’Nizza’. Hu bagħat il-kondoljanzi lill-President ta’ Franza Francois Hollande u sostna li t-terroriżmu jingħeleb biss ‘jekk id-dinja ċivilizzata tiġbed ħabel wieħed fil-ġlieda kontra l-militanti u l-kapijiet tagħhom, filwaqt li tieħu ħsieb lill-finanzjaturi tat-terrur, irrispettivament minn fejn jinsabu’.